Motorsport
Indianpolis 500 – Tim sħiħ immexxi min-nisa għall-edizzjoni ta’ din is-sena

Ritorn min-nisa fl-Indianapolis 500 meta din is-sena ser ikun hemm grupp immexxi min-nisa kif ukoll mara li ser tieħu sehem. Din l-introduzzjoni qed tagħti tama li jista’ jkun hemm era ġdida fit-tlielaq tal-IndyCar.

It-tim Paretta Autosport huwa mmexxi minn Beth Paretta, filwaqt li Simona De Silvestro ser tkun qed itellaq. Dan huwa biss il-bidu, għax il-ħsieb tal-Federazzjoni hu li fil-futur ikollhom timijiet sħaħ immexxija min-nisa. Din mhijiex l-ewwel darba li fl-Indianapolis 500 kien hemm il-parteċipazzjoni tan-nisa. Lura għall-1929, Maude Yagle kienet tmexxi wieħed mit-timijiet, filwaqt li aktar tard Danica Patrick kienet anke tellqet f’waħda mill-edizzjonijiet. Imma mis-sena 2000 qatt ma kien hemm parteċipazzjoni femminili sal-2010, meta dakinhar ħadu sehem 4 nisa. L-istess ġara sena wara u fl-2013.

Il-ħsieb tat-tim Paretta Autosport hu li din is-sena jieħdu sehem f’tellieqa jew tnejn tal-Indianapolis 500, bit-tama li s-sena d-dieħla jkunu jistgħu jikkompetu fit-tlielaq kollha possibbli.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA