Waterpolo
Inkwiet bejn il-LEN u l-FINA, wara li l-LEN tissospendi l-Assoċjazzjoni tal-Portugall u tal-Kroazja

Inkwiet fil-Federazzjoni Ewropea tal-Isport Akwatiku l-LEN hekk kif din iddeċidiet li tissospendi lil żewġ assoċjazzjonijiet membri tagħħa għal sena; lill-Portugall u lill-Kroazja wara li uffiċjali minn dawn iż-żewġ assoċjazzjonijiet allegatament bagħtu ittra bil-logo tal-LEN fejn talbu lill-assoċjazzjonijiet ewropej kollha sabiex jingħaqdu flimkien u jitolbu li jisejjaħ Kungress Straordinarju bil-għan li tindibel it-tmexxija fosthom tal-President u s-Segretarju Ġenerali.

Dan il-grupp imsejjaħ ‘Europe 4 all Aquatics’ huwa mmexxi mill-President tal-Assoċjazzjoni Portugiża António José Silva u mill-uffiċjal tal-Federazzjoni Kroata Josip Vardovic. Dawn flimkien ma’ oħrajn qed itennu li l-President attwali t-taljan Paolo Barelli u s-Segretarju Ġenerali David Sparkes kienu fil-mira ta’ investigazzjoni mill-Pulizija Żvizzera s-sena l-oħra talli dawn allegatament taw kuntratti ta’ eluf ta’ flus lill-kumpaniji b’mod mhux trasparenti.

It-Teżorier tal-LEN sas-sena l-oħra kien l-eks President tal-Assoċjazzjoni tal-Ungerija Tamás Gyárfás. L-Istorja ħadet żvolta mhux mistennija l-bieraħ hekk kif il-FINA l-ogħla awtorita’ internazzjonali tal-isport akwatiku qalet li mhux qed tirrikonoxxi d-deċiżjoni tal-LEN li dawn issospendew lill-Federazzjonijiet tal-Portugal u tal-Kroazja. Il-FINA qalet li d-deċiżjoni tal-LEN tmur kontra l-inklussivita’, l-integrita u d-demokrazija. Il-FINA imponiet fuq il-LEN li din d-deċiżjoni tkun irtirata minnu fih.

 

Miktub minn...
TVM Sport
.