Futbol internazzjonali
Inkwiet għal Inter, Barcelona interessati fi Christian Eriksen

Barcelona jidhru interessati fi Christian Eriksen ta’ Tottenham Hotspur, tant li tkellmu mal-klabb Ingliż biex jiċċekkjaw jekk jistgħux jitkellmu mal-plejer innifsu. Min-naħa tiegħu, Eriksen tkellem maċ-chairman Daniel Levy nhar it-Tlieta li għadda fejn wera x-xewqa li jingħaqad m’Inter. U għalkemm Inter dehru li jinsabu fuq quddiem fit-tellieqa għall-firma tiegħu, il-fatt li issa daħlu l-Katalni fl-istorja qed tkompli tagħmel is-sitwazzjoni aktar diffiċli.

S’issa għad mhemm xejn finalizzat bejn Inter u Tottenham, u jidher li t-tnejn li huma għadhom ma qablux fuq it-trasferiment tal-plejer. U għalkemm Eriksen diġa’ ftiehem ma’ Inter dwar il-ftehim personali, għad hemm il-problema li l-klabb minn Londra m’aċċettax l-offerta tat-tim Taljan. Eriksen ser ikun plejer liberu fis-sajf li ġej, imma l-Ispurs iridu £17-il miljun għall-plejer. Inter min-naħa tagħhom offrew £11-il miljun flimkien ma’ flus addizzjonali oħra, imma Tottenham qegħdin iżommu iebese fuq il-prezz tal-plejer.

Eriksen lagħab 28 logħba ma’ Tottenham f’dan l-istaġun, imma rnexxilu jiskorja biss darbtejn fil-Premier League. Inter qegħdin jittamaw li jkomplu jsaħħu l-iskwadra matul dan ix-xahar meta diġa’ ffirmaw lil Victor Moses u Ashley Young. Min-naħa tagħhom, Barcelona jidhru li lesti jħallsu l-ammont li qegħdin jitolbu Tottenham għall-plejer u għalhekk jixtiequ jitkellmu miegħu.

Li hu żgur hu li sal-ġimgħa d-dieħla Eriksen u Tottenham iridu jiddeċiedu għaliex jekk ma jsir l-ebda ftehim, id-Daniż jitlaq lill-Ispurs u ma’ jieħdu xejn tiegħu.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA