Futbol internazzjonali
Inter jirbħu barra minn darhom, Milan jaħsdu lil Roma f’San Siro

Parma 1   Inter 2

Żewġ gowls f’temp ta’ tliet minuti lejn tmiem il-logħba kienu biżżejjed biex Inter dawru r-riżultat u għelbu lil Parma 2-1. Kien Gervinho li fetaħ l-iskor għal Parma mal-kwarta logħob u hekk baqgħu sa tmiem l-ewwel taqsima. Fit-tieni taqsima l-logħba kompliet ġiet għat-telgħa għan-neroazzurri meta Berni tkeċċa b’karta ħamra diretta fis-70 minuta. Biss Inter għamlu l-iskor indaqs permezz ta’ de Vrij fl-84 minuta, u Parma għamlu ċert li anke n-numru ta’ plejers fil-grawnd ikun indaqs meta Kucka tkeċċa b’karta ħamra diretta.

U bl-istess numru ta’ plejers fil-grawnd u bil-moral għoli, Inter skurjaw it-tieni fis-87 minuta meta Bastoni sab ix-xibka u ta t-tliet punti lit-tim tiegħu.

 

Milan 2   Roma 0

F’San Siro Milan ħasdu lil Roma u rebħulhom bl-iskor ta’ 2-0, fi skoss ieħor għat-tim minn Ruma għal post fil-kompetizzjonijiet Ewropej fl-istaġun li ġej. Il-gowls ta’ Milan waslu fit-tieni taqsima, l-ewwel minn Rebic fis-76 minuta u Calhanoglu mill-penalty għalaq il-konfront fid-89 minuta.

 

Napoli 3   Spal 1

Napoli kienu konvinċenti fis-San Paolo meta laqgħu lil Spal u rebħulhom 3-1. Diers Mertens fetaħ l-iskor għal Napoli wara biss 4 minuti logħob imma Spal ġabu d-draw man-nofs siegħa logħob b’gowl ta’ Petagna. L-iskor indaqs ma tantx dam għax fis-36 minuta Callejon reġa’ poġġa lil Napoli minn fuq, 2-1. Insigne għal ftit ma fetaħx żewġ gowls vantaġġ li kieku ma kienx għall-VAR li aġġudikatu li kien f’pożizzjoni t’offside biex skurja għax kieku sal-mistrieħ l-iskor kien ikun 3-1.

Fit-tieni taqsima Younes għalaq il-logħba għal Napoli fit-78 minuta biex issa telgħu fis-6 post tal-klassifika, imma Napoli diġà moħħhom mistrieħ minn post fil-kompetizzjonijiet Ewropej wara li rebħu l-Coppa Italia.

 

Sampdoria 1   Bologna 2

Żelqa oħra għal Sampdoria f’darhom, din id-darba kontra Bologna meta tilfu 2-1. Il-gowls kollha kienu skurjati fit-tieni taqsima, b’Barrow mill-penalty u Orsolini skurjaw iż-żewġ gowls ta’ Bologna fit-72 u l-75 minuta rispettivament. Bonazzoli naqqas id-distakk għal Sampdoria fit-88 minuta.

 

Udinese 2   Atalanta 3

Atalanta baqgħu konvinċenti u wara s-sospensjoni tal-kampjonat minħabba l-pandemija komplew fejn kienu ħallew, b’rebħa waħda wara l-oħra. Din id-darba kien imiss lil Udinese li jlaqqtugħha mingħand il-Bergamaschi, Zapata poġġa lil Atalanta minn fuq wara 9 minuti imma Lasagna ġab il-gowl tad-draw man-nofs siegħa logħob.

Atalanta reġgħu fil-vantaġġ fil-71 minuta permezz ta’ Muriel, bl-istess plejer jiskorja t-tieni għalih u t-tielet għat-tim tiegħu fid-79 minuta. Lasagna wkoll skorja doppjetta fuq in-naħa l-oħra meta naqqas id-distakk fis-87 minuta, gowl li wasal tard wisq biex Udinese setgħu jippruvaw jisfurzaw għall-gowl tad-draw.

 

Sassuolo 3   Verona 3

F’logħba li pproduċiet sitt gowls, Sassuolo u Verona ħadu punt kull wieħed meta qasmu l-gowls skurjati bejniethom. Wara li l-ewwel taqsima ntemmet 0-0, fit-tieni waħda t-timijiet infetħu u kienu Verona l-ewwel li sabu x-xibka. Lazovic fetaħ l-iskor fil-51 minuta, vantaġġ li gawdewh għal żewġ minuti biss għaliex Boga ġab id-draw għal Sassuolo. Verona għal darb’oħra minn fuq fis-57 minuta permezz ta’ Stepinski, u saħansitra anke marru 3-1 meta Pessina fit-68 minuta sab ix-xibka. Sassuolo naqqsu d-distakk fis-77 minuta permezz ta’ Boga, imbagħad kellhom jistennew sas-7 minuta fuq il-ħin regolamentari biex Rogerio skorja l-gowl li kellu jagħtihom punt u jikser qalb it-tim ta’ Verona li kienu qed jittamaw f’rebħa.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA
Aħbarijiet Oħra
Futbol internazzjonali

Andrea Pirlo se jinħatar kowċ tat-tim ta’ taħt it-23 sena ta’ Juventus. ‘Il Maestro’, hekk kif inhu magħruf, ġab il-liċenzja ta’ kowċ minn Coverciano stess. Hu kien irtira fl-2017. Skont…

Futbol internazzjonali

Għal xhur sħaħ kien hemm diversi għidut u spekulazzjonijiet li Lionel Messi, il-captain ta’ Barcelona, irid jitlaq lit-tim. Matul il-pandemija tal-Covid-19 l-Arġentin kien wieħed mill-plejers li attakka l-amministrazzjoni tal-klabb fil-miftuħ,…

Futbol internazzjonali

Real Madrid 1   Getafe 0 Real Madrid resqu pass eqreb viċin it-titlu meta għelbu lil Getafe 1-0. Din ir-rebħa fissret 3 punti oħra għal-Los Blancos li issa fetħu 4 punti…

Futbol internazzjonali

Atalanta 2   Napoli 0 Atalanta baqgħu għaddejjin mill-forma pożittiva tagħhom meta laqgħu lil Napoli u rebħulhom 2-0 biex issa kważi ċerti minn post fiċ-Champions League fl-istaġun li ġej. Il-gowls kienu…

Aktar