Interess qawwi fil-programmi tal-Isport ta’ TVM

RAPPORT SANDRO MICALLEF

Mijiet ta’ nies li matul il-ġurnata tal-Ħadd żaru l-PBS Creativity Hub waqt l-Open Day li organizza l-Public Broadcasting Services ħadu l-opportunita’ li jżuru wkoll l-uffiċini tad-Dipartiment Sport tal-PBS.

Peter Cossai il-Manager tad-Dipartiment Sport ta’ TVM spejga lill-viżitaturi l-ħidma ta’ dan id-dipartiment li fiħ jaħdmu tliet persuni full time u ammont kbir ta’ part timers u kontributuri. Is-Sur Cossai spjega wkoll li apparti l-produzzjoni taż-żewġ programmi ta’ kull ġimgħa Kontrattakk u Sports Panorama dan id-dipartiment jieħu ħsieb ukoll il-produzzjoni ta’ bullettin sportiv kuljum mit-Tnejn sal-Ħadd. Ħidma oħra hi relatata mal-aġġornamenti tas-sezzjoni sport tal-website tvm.com.mt, il-programe Uefa Champions League u Europa League Highlights, programmi u interventi kuljum fuq Radju Malta 1 u Radju Malta 2 kif ukoll id-diversi trasmissjonijiet live ta’ football internazzjonali u football lokali tal-BOV Premier League.

Ħafna ħadu l-opportunita’ li jiltaqgħu mal-ġurnalisti ta’ TVM Sport. Kienu ħafna wkoll dawk li ħadu l-opportunita’ jieħdu ritratti mal-ballun uffiċjali tat-Tazza tad-Dinja 2014 li ntuża waqt il-logħba Arġentina vs Svizzera kif wkoll mat-Trofew replica tat-Tazza tad-Dinja.

 

 

 

Miktub minn...
TVM Sport
.