Futbol lokali
INTERVISTA: “Il-Kunsill se jiddeċiedi dwar l-eżitu tal-klassifiċi” – Bjorn Vassallo

Inqas minn 24 siegħa wara d-deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Malta Football Association li jiġi tterminat il-Kampjonat BOV Premier, Bjorn Vassallo, tkellem għall-ewwel darba ma’ TVMSport dwar din id-deċiżjoni u aktar.

“Il-futbol f’Malta, bħal f’ħafna pajjiżi oħra żgħar madwar l-Ewropa, kellu jbaxxi rasu għall-impatt ta’ din il-pandemija u saħansitra l-istaġun ikun itterminat definittivament,” qal il-President tal-MFA fl-ewwel kumment tiegħu mingħajr m’għamiltlu l-mistoqsija.

L-ewwel mistoqsijiet tiegħi, li huma dawk li qed jistaqsi kulħadd: Issa x’se jiġri? Floriana FC huma ċ-Champions il-ġodda tal-futbol Malti?

“Se nistennew il-konferma min-naħa tal-UEFA dwar it-terminu tal-kampjonati u wara l-Kunsill jiddeċiedi dwar l-eżitu tal-klassifiċi,” qal Vassallo.

Għalkemm ma jgħidx uffiċjalment, tidher ċara ħafna li fil-Kunsill tal-MFA li jmiss, se jiġi deċiż jekk jingħatawx il-verdetti tal-klassifiċi, skont meta twaqqfu. Fil-każ tal-Kampjonat BOV Premier, irid jiġi deċiż jekk Floriana FC f’Malta u Nadur Youngsters FC f’Għawdex jingħatawx it-titlu, u jekk fost l-oħrajn Senglea Athletic FC u Tarxien Rainbows FC, jiġux relegati.

“Bħal dawk kollha li jħobbu l-futbol, minix kuntent li l-futbol ma jistax jirritorna, għalkemm dejjem għidt li s-saħħa tiġi l-ewwel u qabel kollox. Ma kienx ta’ gost u pjaċir ta’ xi membru fil-Kumitat Eżekuttiv li wasalna għal din id-deċiżjoni.

“Fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija biss kellna sitwazzjonijiet simili u żgur li meta bdejna l-istaġun, ħadd ma basar dan ix-xenarju. Fil-pozizzjoni li konna lbieraħ kien jinħtieġ li nagħtu stabbilità lis-settur. Kien hawn ħafna inċertezzi mingħajr garanziji ta’ xejn,” ikompli l-President.

Ilu President minn Lulju li għadda. 10 xhur ilu, Bjorn Vassallo beda ħajja ġdid f’Malta wara tliet snin jaħdem fil-FIFA mal-President Gianni Infantino. Iżda l-ewwel xhur fit-tmun tal-futbol Malti, żgur li ma kienux l-aktar faċli, b’diversi turbolenzi li nqalgħu u li fuqhom ma kellux kontroll, biċ-ċirasa fuq il-kejk tkun il-pandemija tal-COVID-19.

“Jekk hemm ċirkostanza li ħadd ma jista’ jikkritika l-MFA dwarha tul in-nuqqas ta’ attività hi propju dik tal-kuntatt kontinwu mal-membri u l-imsieħba kollha tagħna. Żammejna lil kulħadd aġġornat bid-dettalji u l-iżviluppi kollha tul il-waqfien u kulħadd kellu ċ-ċans li jesprimi l-pożizzjoni tiegħu u jiddjaloga fil-fora rispettivi. Din tal-bieraħ ma kienetx l-ewwel deċiżjoni li ħadna. Iżda huwa fatt li din tal-bieraħ kienet l-aktar waħda iebsa s’issa,” qal Vassallo.

Bjorn Vassallo, 40 sena, ilu fil-futbol Malti 20 sena. Kien beda fil-klabb ta’ San Ġwann, sakemm kien inħatar Kap Eżekuttiv tal-MFA u anki Segretarju Ġenerali, sakemm irriżenja għal esperjenza internazzjonali fil-futbol. Hu sar President tal-Assoċjazzjoni wara elezzjoni kontestata ferm kontra l-Avukat Chris Bonett, fis-sajf tas-sena l-oħra.

Jistqarr li l-laqgħa tal-Eżekuttiv tal-bieraħ kienet waħda mill-aktar laqgħat li kellha tensjoni minn dawk kollha li kien fihom fil-karriera ta’ amministratur.

“L-isbaħ xenarju kien ikun li nippreżentaw fatti u evidenza li kienu jwassluna nieħdu deċiżjoni differenti, imma r-realtà kienet opposta. Tal-bieraħ ma kinitx deċiżjoni li morna madwar mejda mingħajr analiżi u evalwazzjoni u ddeċidejna.

“L-MFA kienet ilha ġimgħat sħaħ f’kuntatt mal-Awtoritajiet tas-Saħħa biex tanalizza l-iżviluppi. Konna l-ewwel assoċjazzjoni sportiva li ppreżentajna protokoll mediku professjonali b’ċirkostanzi speċifiċi għal pajjiżna u dan permezz tal-esperti tagħna fil-mediċina sportiva, fil-koordiment tekniku u fid-diviżjoni tal-kompetizzjonijiet. Għaddejna l-protokoll eżatt mar-rilaxx tal-ewwel miżuri mill-awtoritajiet u iffissajna d-data meta konna se nieħdu deċiżjoni eżatt ġimgħatejn wara u allura biex l-istess awtoritajiet ikollhom iċ-ċans jevalwaw l-impatt tar-rilassament fil-miżuri.

“Bl-Avviż Legali 101/2020 li kien għadu fis-seħħ, bil-pożizzjoni tal-maġġoranza li aktar inċertezza kienet se tfisser problemi finanzjarji akbar u bl-iskadenza tal-UEFA fi ftit jiem, naħseb li diffiċli topponi għar-realtà tal-fatti,” qal Vassallo.

Xi ħaġa li ħasdet ħafna nies u partitarji tal-futbol Malti kienet dik li l-vot tal-Eżekuttiv tal-bieraħ kien wieħed unanimu. L-14-il persuna eletti, qablu li l-kampjonat għandu jiġi tterminat. Fost dawn iż-żewġ voti kien hemm anki dawk ta’ Paul Spiteri ta’ Valletta FC u Dr Ian Micallef ta’ Gżira United FC, proprju tnejn mit-tliet klabbs li saħansitra kitbu uffiċjalment lill-Prim Ministru Robert Abela li l-kampjonat għandu jitkompla.

Imma possibbli, fil-laqgħa tal-bieraħ ħadd ma kellu opinjoni differenti?

“L-iebes għall-futbol għadu ġej,” kompla Vassallo.

“Il-kampjonat tagħna mhux wieħed professjonali, għandna 33%, li jiġu terz tal-plejers, kowċis u impjegati tal-klabbs li għandhom impjieg ieħor minbarra l-futbol u allura mhux direttament impjegati mal-klabbs. L-istess dwar l-uffiċjali tal-logħba u l-amministraturi tal-klabbs. Terz ta’ dawk involuti fil-logħba m’humiex f’pożizzjoni li jkunu f’iżolament u kienu se jkunu esposti kuljum għall-ħajja ta’ rutina. Aktar minn hekk, anki kieku kollha kellhom jirranġaw u jmorru f’iżolament, 14-il tim fejn kienu se joqgħodu f’iżolament għal xahrejn sħaħ? Naħseb li kull min ilbieraħ kien madwar il-mejda żamm dan kollu u aktar f’moħħu,” qal Vassallo.

Dwar il-laqgħa tal-bieraħ, il-President tal-MFA, talab lill-uffiċjali kollha tiegħu biex jastjenu mill-vot dwar jekk il-kampjonat għandux jiġi terminat. Dan ifisser li t-tliet Viċi Presidenti u t-Teżorier astjenew milli jagħtu pożizzjoni.

“Ħassejt li kellna nkunu mparzjali mill-bidu sal-aħħar f’din il-kwistjoni u mmexxu il-proċess b’mod diliġenti u nħallu lill-membri fil-fora tal-MFA jaslu għad-deċiżjonijiet bl-aktar mod liberu.

“Fejn ikun il-bżonn, dejjem nagħti ċ-ċans li vot isir b’mod sigriet biex kulħadd iħossu komdu, anki jekk il-bieraħ ma kienx jinħtieġ. Għalija l-prinċipji tal-etikà u l-integrità huma important ħafna u fuq din il-materja ridt li l-uffiċjali eletti ma jieħdux sehem bil-vot biex it-trasparenza min-naħa tagħna tkun totali.

“Jien President tal-membri kollha u fil-120 sena anniversarju nixtieq li nibqgħu fl-Istorja għal ħafna avvenimenti pożittivi, fosthom li d-deċiżjonijiet li se nkunu qed nieħdu jkunu kollha mmirati biex nissalvagwardjaw l-Istatut u r-Regolamenti tal-MFA,” jgħid Vassallo.

Issa li l-futbol waqaf, xi jmiss?

“Propju llum niktbu lill-UEFA u nistennew verifika min-naħa tagħhom. L-ittra se tinkludi fuq liema bażi l-MFA ddeċidiet li twaqqaf il-kampjonat domestiku u l-kompetizzjoni tal-FA Trophy u dawn min-naħa tagħhom jikkonfermaw jekk l-argumentazzjoni tagħna hux konformi mal-linji gwida mposti fuqna. Jekk it-terminazzjoni hija leġittima, allura jkunu aċċettaw li r-raġunijiet validi tagħna.

“Apparti minnhekk, se ninkludu wkoll, abbażi tal-prinċipji ta’ eliġibilità tal-UEFA skont il-linji gwida li tawna, dawk il-klabbs li fuq mertu sportiv, se jirrapreżentaw lil pajjiżna fil-kompetizzjonijiet Ewropej għall-istaġun 2020/21.

“Dan ifisser li Floriana jikkompetu fil-UEFA Champions League, mentri Valletta, Hibernians u Sirens fil-UEFA Europa League. L-istess bħal Birkirkara u Luxol fil-futbol tan-nisa u fil-futsal, rispettivament. ”, jikkonkludi l-President tal-MFA, Bjorn Vassallo.

Miktub minn...
TVM Sport