Futbol internazzjonali
Ippubblikati l-logħob tas-Serie A għall-istaġun li ġej

Inter ser jibdew id-difiża tat-titlu fis-Serie A f’San Siro meta fi tmiem il-ġimgħa tal-21-22 Awwissu jilqgħu lil Genoa. Għalkemm Inter rebħu l-Iscudetto wara nuqqas ta’ 11-il sena, huma mhux ser ikunu mmexxija mill-istess kowċ li wassalhom għat-titlu, għaliex Antonio Conte ħalla lit-tim minħabba nuqqas ta’ qbil mat-tmexxija fi tmiem l-istaġun li għadda. In-neroazzurri ser ikunu mmexxija mill-kowċ Simone Inzaghi.

Waħda mil-logħbiet jaħarqu għal Inter żgur ser tkun dik tal-24 t’Ottubru meta f’darhom jilqgħu lir-rivali eterni Juventus, bil-logħba ta’ ritorn issir f’Turin fit-3 t’April.

Milan ser jibdew l-istaġun għand Sampdoria, filwaqt li Atalanta, li fl-istaġun li għadda temmew fit-tielet post, ser jibdew għand Torino li rnexxilhom isalvaw fis-Serie A fl-istaġun li għadda.

Id-Derby della Madonnina bejn Inter u Milan ser ikunu fit-12-il ġurnata tal-istaġun, fis-7 ta’ Novembru, bil-logħba ta’ ritorn tkun fis-6 ta’ Frar.

Juventus, li fl-aħħar logħba tal-istaġun li għadda rnexxilhom jakkwistaw post fil-UEFA Champions League, ser jibdew għand Udinese, fejn Massimiliano Allegri ser jerġa’ jmexxi lill-bianconeri. Allegri mexxa lil Juventus għal ħames titli konsekuttivi, minbarra l-Coppa Italia diversi drabi.

Debutt ukoll għall-kowċ il-ġdid ta’ Roma, Josè Mourinho li ser jibda fl-Olimpico kontra Fiorentina, filwaqt li l-kowċ ta’ Napoli Luciano Spalletti ser jibda kontra t-tim promoss mis-Serie B, Venezia.

Josè Mourinho ser jaffaċċja lill-ex tim tiegħu Inter fis-16-il ġurnata tal-istaġun, fil-5 ta’ Diċembru fl-Olimpico, bil-logħba ta’ ritorn tkun f’San Siro fl-24 t’April. Barra dan, l-ewwel derby jaħraq ser ikun dak ta’ Ruma meta Lazio jilagħbu kontra Roma fis-26 ta’ Settembru.

It-tim promoss ta’ Salernitana ser jiltaqgħu kontra Bologna fl-ewwel ġurnata tal-istaġun, wara nuqqas ta’ 22 sena mis-Serie A. Min-naħa l-oħra, Empoli f’darhom jilqgħu lil Lazio ta’ Maurizio Sarri.

L-istaġun il-ġdid tas-Serie A ser ikun qed jimxi fuq il-mudell tal-Premier League Ingliż, La Liga u Ligue 1, fejn it-tieni nofs tal-istaġun ma jkunx ibbażat fuq l-ewwel nofs, imma jkun kompletament differenti.

Fl-aħħar logħbiet tal-istaġun, fit-22 ta’ Mejju, Inter iridu jmorru għand Sampdoria, Fiorentina fl-Artemio Franchi jilqgħu lil Juventus filwaqt li Milan iridu jmorru għand Sassuolo.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA