Atletika
Ir-raġel t’Agnes Tirop ser isirlu test mentali qabel jgħaddi ġuri

Qorti Kenjana ddeċidiet li r-raġel tal-atleta Agnes Tirop, li jinsab akkużat bil-qtil tagħha, għandu jsirlu test mediku mentali qabel jgħaddi ġuri.

Ibrahim Rotich li għandu 41 sena deher f’qorti f’Iten, il-Kenja. Huwa qiegħed ikun akkużat li qatel lil martu Agnes wara li nstabet mejta f’darha fit-13 t’Ottubru li għadda. Ibrahim inqabad l-għada fil-belt ta’ Mombasa u skont il-pulizija kien qed jipprova jaħrab mill-pajjiż.

Agnes Tirop kienet waħda mill-aqwa atleti tal-Kenja u f’Settembru li għadda kienet għadha kif kisret ir-rekord dinji tal-10km fil-Ġermanja. Barra minn hekk, fl-2017 u fl-2019 hija rebħet midalji tal-bronż fil-Kampjonati Dinjija fl-10,000 metru.

Agnes Tirop ġiet maqtula ftit jiem qabel m’għalqet 26 sena.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA