Olimpijadi TOKYO 2020
Ir-relay tat-torċa olimpika mistennija tibda fil-25 ta’ Marzu

Il-Kumitat Organizzativ tal-Olimpjadi ta’ Tokjo qal li r-relay tat-torċa olimpika jista’ jkun sospiż jew ikkanċellat jekk jibdew jinġabru ġemgħat ta’ nies biex iċapċpu lill-parteċipanti. Din l-aħbar ħarġet għaliex il-Kumitat ma jridx li dawn il-ġemgħat iżidu l-inċidenza ta’ tixrid tal-Covid-19 fost il-poplu Ġappuniż.

Ir-relay bit-torċa olimpika mistennija tibda fil-25 ta’ Marzu, xahar mil-lum, u ser tintwera diretta kull ħin sabiex jiġi evitat li n-nies joħorġu jsegwu dan l-avveniment. Dan huwa l-aħħar intopp li l-Kumitat Olimpiku Ġappuniż qed jaffaċċja, wara li fil-ġimgħat li għaddew kien hemm tibdil fit-tmexxija wara r-riżenja tal-President minħabba kummenti sessisti.

F’aħbarijiet oħra relatati mal-Olimpjadi, il-Viċi President tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali John Coates qal li l-atleti qed jiġu mħeġġa li jitlaqqmu kontra l-Covid-19 qabel jivvjaġġaw lejn il-Ġappun. Skont Coates, l-atleti Awstraljani mistennija jitlaqqmu kollha sa tmiem Ġunju li ġej, u issa hemm stennija sabiex ikun deċiż kemm ser jitħallew jidħlu spettaturi fl-istadia differenti.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA