Local Sports
“Irridu naraw kif se tkun is-sitwazzjoni dak iż-żmien meta naslu għal staġun ieħor” – Clifton Grima

Mill-lum, is-Sibt 23 ta’ Mejju, reġgħu nfetħu uffiċjalment il-bibien tal-faċilitajiet sportivi ‘outdoor’  ta’ SportMalta għall-atleti wara li ilhom magħluqin għall-aħħar xahrejn minħabba l-pandemija tal-COVID-19.

Mil-lum it-taħriġ tal-atleti jista’ jsir fi gruppi ta’ sitta u jista’ jkun magħmul minn ħames atleti u kowċ, jew grupp ta’ sitt atleti u n-numru totali ta’ persuni permessi fil-post għandu jammonta għal mhux aktar minn persuna waħda (1) għal kull 20 metru kwadru ta’ spazju ta’ taħriġ użabbli.

Apparti hekk l-atleti għandhom ikunu mbegħdin minimu ta’ 3 metri għall-isport kollu ħlief għal xi ftit eċċezzjonijiet fejn id-distanza minima hija ta’ 2 metri.

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat Clifton Grima filwaqt li rringrazzja lil dawk kollha li matul l-aħħar gimgħat ħadmu id f’id ma’ SportMalta u mas-Segretarjat Parlamentari saħaq li wara ħidma importanti ħafna mal-Awtoritajiet tas-Saħħa wasalna fejn ninsabu llum, f’sitwazzjoni fejn wara numru ta’ ġimgħat reġa beda t-taħriġ għall-atleti u ninsabu issa f’pożizzjoni li wieħed ikompli jippjana sabiex fiż-żmien li ġej possibilment immorru lura għan-normal u għall-kompetizzjonijiet sħaħ.

Huwa qal li dan kollu jsir billi deċiżjonijiet li jittieħdu ma jkunux ibbażati fuq popoliżmu iżda fuq evidenza xjentifika.

Mistoqsi minn TVMSport dwar x’se tkun is-sitwazzjoni għall-Assoċjazzjonijiet jekk sal-bidu ta’ staġun kollox jibqa’ kif inhu, Grima rrisponda:

“Wieħed irid jimxi pass pass. Kellna laqgħat mal-MFA u mal-MBA u kellna diskussjonijiet f’dan is-sens. Il-virus għadu magħna. Għaldaqstant irridu naraw kif se tkun is-sitwazzjoni dak iż-żmien meta naslu għal staġun ieħor.

“Irridu nżommu f’moħħna li qed ngħixu realtajiet ġodda. Ir-regolameti fl-isport se jkunu id f’id mal-Awtoritajiet tas-Saħħa u mal-atleti, skont il-protokolli,” qal is-Segretarju Parlamentari.

Clifton Grima qal li kien hemm ħidma sabiex tingħata s-sostenn lil numru ta’ entitajiet mhux governattivi li fosthom hemm l-għaqdiet sportivi. Tajjeb wieħed isemmi il-Wage Supplement Scheme li permezz tagħha mijiet ta’ mpjiegi fis-settur sportiv ġew salvati għax kien hemm assoċjazzjonijiet sportivi li spiċċaw mingħajr l-ebda sors ta’ dħul u allura kellhom bżonn l-għajnuna sabiex jissalvagwardjaw dawn l-impjiegi. Inħoloq fond ta’ emerġenza għas-settur tal-volontarjat li permezz tiegħu l-assoċjazzjonijiet sportivi li huma rreġistrati mal-Uffiċju tal-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji setgħu japplikaw għal diversi skemi.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar qal li Sportmalta minn kemm ilhom li għalqu il-faċilitajiet saret manutenzjoni sħiħa fihom sabiex dejjem ikun hemm faċilitajiet sportivi tal-aqwa kwalità.  Mill-lum il-faċilitajiet sportivi ta’ SportMalta, grazzi għall-ħaddiema tagħha, ġew kollha daqs li kieku ġodda. Barra minn hekk sar xogħol sabiex aktar proġetti javvanzaw u b’hekk issa x-xogħol fuq il-padiljun tal-baskitbol, il-kumpless tat-tennis u l-padiljun tal-handball jinsabu f’fażi avvanzata. SportMalta għamlet ukoll studji biex tgħin lill-għaqdiet Sportivi tagħha jiġġieldu din il-pandemija.

Iċ-Ċermen ta’ SportMalta Luciano Busuttil appella lill-atleti biex isegwu l-linji gwida l-ġodda, sabiex ikun possibbli li jiġu rrilassati iktar restrizzjonijiet.

Miktub minn...
TVM Sport
Aħbarijiet Oħra
Local Sports

Il-Federazzjoni Maltija tal-Eight Ball ħarġet stqarrija dwar is-sitwazzjoni preżenti f’pajjiżna, u kif intalbet gwida minn SportMalta dwar data possibbli ta’ meta jista’ jitkompla l-istaġun. Skont l-istqarrija tal-Federazzjoni, SportMalta fil-mument ma…

Sport Lokali

Ikkonfermat li għalissa se jibqa’ ma jsir l-ebda contact sport. Fil-konferenza tal-aħbarijiet tal-lejla fejn tħabbar li qed jiġu rilassati diversi miżuri mposti minħabba s-sitwazzjoni bil-coronavirus, il-prim ministru Robert Abela qal…

Local Sports

Minn għada jibda programm ġdid fuq Radju Malta 93.7FM bl-isem ta’ Mumenti Sportivi. Il-kontenut ta’ dan il-programm ippreżentat minn Robert Busuttil jinkludi intervista ma’ xi plejer jew atleta leġġendarju, profili…

Bocci

Il-Federazzjoni Klabbs Boċċi kellha tasal għad-deċiżjoni iebsa li tinforma lill-players u lill-Clubs li l-kampjonati tagħha din is-sena mhux se jsiru minħabba ssitwazzjoni u restrizzjonijiet fil-pajjiż. Għalkemm fi tmiem il-ġimgħa ġew…

Aktar