Futbol lokali
“Irridu nissalvagwardjaw lill-klabbs l-aktar vulnerabbli biex nkunu b’saħħitna u nibqgħu neżistu u nsostnu l-futur” – Bjorn Vassallo, President tal-MFA

Waqt laqgħa permezz ta’ video-conference li saret illum bejn il-UEFA u l-55 assoċjazzjoni membru, fosthom Malta, l-Assoċjazzjoni Ewropeja tal-futbol ħabbret xenarji ġodda dwar id-deċiżjoni jekk u meta l-kampjonati domestiċi fl-Ewropa għandhom jitkomplew.

Illum wara nofsinhar il-President tal-MFA, Bjorn Vassallo, żamm laqgħa mal-presidenti tal-klabbs tal-Premier u minn informazzjoni li għandu TVMSport, matulha, kienu spjegati diversi żviluppi li kemm il-FIFA u l-UEFA qiegħdin jaġġornaw lill-MFA dwarhom.

Waqt l-istess laqgħa l-MFA ħabbret ukoll kif se tkun il-proċedura biex klabbs tal-futbol Maltin u Għawdxin japplikaw mal-Malta Enterprise għall-benefiċċji mħabbra mill-Gvern fil-pakkett ta’ assistenza finanzjarja.

Huwa mifhum li kienu diversi l-presidenti mill-klabbs tal-ogħla diviżjoni li stqarrew b’mod apert li s-sitwazzjoni preżenti se tkun qed tbiddel ix-xenarju kalċistiku lokali għaliex in-nuqqas ta’ kummerċ se jkun qiegħed jolqot bil-kbir lis-settur sportiv li jgħix minn introjti kummerċjali u sponsorships li m’hemmx dubju se jkunu qegħdin jonqsu għaliex fix-xhur li ġejja in-negozji se jgħaddu minn reċissjoni.

TVM Sport tkellem mal-President tal-MFA Bjorn Vassallo li min-naħa tiegħu qalilna:

“Il-UEFA u l-imsieħba kollha li ffirmaw ir-riżoluzzjoni bħala pjan ta’ koordinazzjoni għall-impatt tal-Covid-19 fuq il-kompetizzjonijiet domestiċi, għadhom isostnu li l-kompetizzjonijiet għandhom jispiċċaw. Dan minħabba l-kuntratti kummerċjali tat-televiżjoni li jimpattaw b’mod qawwi fil-finanzi tal-UEFA u għalhekk bħalissa mhux f’pożizzjoni li nitkellem dwar xenarji differenti ġaladarba l-MFA, il-klabbs, il-kampjonati awtonomi u l-plejers huma kollha rappreżentati f’din il-fora.”

TVMSport staqsa lill-President tal-MFA dwar l-inċertezza li qed toħloq din is-sitwazzjoni.

“M’hemmx dubju li l-inċertezza qed toħloq diffikultà dwar x’għandu jiġri mill-kuntratti ta’ xogħol eżistenti u kien għalhekk li l-MFA emendat ir-regolamenti tagħha biex klabbs tal-futbol ikunu jistgħu jaslu f’kompromess mal-plejers tagħhom li bi qbil bejn iż-żewġ partijiet il-kuntratti jistgħu jiġu tterminati. Dan mhux tassativ, jiġifieri klabbs li jixtiequ jibqgħu jħallsu l-impjegati tagħhom jew inaqqsulhom salarji jistgħu jagħmlu dan, iżda f’dan l-istadju irridu nissalvagwardjaw lill-klabbs l-aktar vulnerabbli biex nkunu b’saħħitna nibqgħu neżistu u nsostnu l-futur.”

Dan ikompli jikkonferma kemm-il UEFA trid li l-kampjonati domestiċi jitkomplew u jkunu terminati kif skedat qabel feġġet il-pandemija tal-COVID-19. Apparti dan, il-UEFA ħabbret ukoll li l-logħob kollu kompetittiv għat-timijiet nazzjonali li kellu jsir f’Ġunju se jkun pospost. Dan iffiser li l-logħba ta’ ħbiberija li kellu t-tim nazzjonali Malti kontra l-Portugall fid-9 ta’ Ġunju issa ġiet posposta.

Mil-lat domestiku bħalissa kważi l-futbol kollu fid-dinja jinsab sospiż u din in-nuqqas ta’ attività qiegħda twassal għal problemi finanzjarji kbar fil-klabbs tal-futbol minħabba nuqqas ta’ likwidità u b’hekk diġa’ smajna b’miżuri diffiċli ta’ sospensjonijiet temporanji tax-xogħol jew ta’ salarji u saħansitra wkoll it-tkeċċija ta’ impjegati, plejers u kowċis f’numru ta’ pajjiżi.

Aktar tard wara nofsinhar l-MFA sejjħet ukoll laqgħa oħra tad-Djalogu Soċjali, task-force fejn jiltaqgħu rappreżentanti tal-klabbs, il-plejers u l-kowċis, biex jiddiskutu miżuri diffiċli imma essenzjali mmirati biex jintlaħaq kunsens dwar ir-riduzzjoni tas-salarji tal-plejers u l-kowċis.

Ir-rwol tal-MFA huwa dak li tiffaċilità n-negozjar u mhux li tirrapreżenta lil xi naħa jew oħra mill-imsieħba soċjali.

Minn statistika miġbura mill-MFA u li kienet diskussa mal-uffiċjali tal-klabbs ħareġ li preżentament l-futbol Malti u Għawdxi jħaddem aktar minn 1000 persuna u li s-salarji b’mod kumplessiv fl-industrija tal-futbol lokali jaqbżu ċ-ċifra ta’ €1,500,000 kull xahar.

Proprju lbieraħ kien iddikjarat falliment ta’ klabb bi storja kbira fi Slovakkja u huwa mifhum li bosta oħrajn se jkunu qiegħdin isegwu għaliex l-introjti waqfu u m’hemmx flus biex jitħallsu l-ħaddiema. Dwar dan qiegħda wkoll issir diskussjoni interna fi ħdan il-FIFA tant li f’rapport żvelat fl-aħħar jiem jidher li organizazzjoni dinija tal-futbol se tippreżenta proposti biex tbiddel ir-regolamenti tal-iStatus and Transfer of Players u kif ukoll taċċetta estensjonijiet fil-kuntratti tal-istess plejers jekk kemm-il darba l-kampjonati jitkomplew.

Miktub minn...
TVM Sport
Aħbarijiet Oħra

Il-Kummissarju tad-Dixxiplina tal-MFA illum ħareġ is-sospensjonijiet wara l-ewwel logħbiet tal-Kampjonat BOV Premier 2020/21. Fost il-lista ta’ tliet plejers li ġew sospiżi hemm il-plejer ta’ Lija Athletic Carl Joseph Cassar li…

MALTA ………….0 DANIMARKA….8 EURO 2021 TAN-NISA Telfa kbira ta’ 8-0 għal Malta kontra d-Danimarka illejla fis-Centenary Stadium. It-telfa hija s-sitt waħda għat-tfajliet Maltin minn tmien logħbiet s’issa fi Grupp B:…

KAMPJONAT BOV PREMIER 2020/21 Valletta ………….4 Birkirkara……….2 Valletta fetħu l-impenji tagħhom staġjonali b’rebħa diffiċli ta’ 3-2 kontra Birkirkara. Kienet partita klassika bejn żewġ timijiet li mistennija jkunu fost il-protagonisti ewlenin…

KAMPJONAT BOV PREMIER 2020/21 Ħamrun Spartans….5 Sirens………………….1 It-Taljani jgħidu, ‘Buona La Prima’. Hu hekk kien għal Hamrun Spartans. Il-Ħamruniżi jistgħu jgħidu li kellhom bidu brillanti tal-Kampjonat BOV Premier 2020/21 meta…

Aktar