Regatta
Issir ir-Regatta Speċjali ta’ Settembru 2021

Fil-Port il-Kbir illum saret ir-regatta speċjali ta’ Settembru 2021.

Kienet regatta li rat il-parteċipazzjoni ta’ tmien klabbs u regatta storika minħabba l-parteċipazzjoni għall-ewwel darba b’mod uffiċjali tal-klabb tas-Siġġiewi.

Minkejja li t-tlielaq ma kienux għar-rebħ tal-ebda shield, xorta kien hemm element kompetittiv kbir hekk kif fis-sitt itlielaq li saru kienu akkaniti ferm.

L-ewwel tellieqa tal-pass b’erba’ mqadef, kategorija taħt id-19-il sena, intrebħet mill-Isla.

It-tieni tellieqa, dik tal-Midalji Kategorija Open, intrebħet minn Bormla.

It-tielet tellieqa, Frejgatini Nisa, intrebħet mill-Birgu fejn għal darb’oħra spikkaw il-koppja Rachelle Gialanze u Glynis Mizzi.

Ir-raba’ tellieqa tal-pass b’żewġ imqadef intrebħet minn Marsamxett li għalihom qadfu Peter Cremona u Juan Farrugia.

Il-ħames tellieqa, Kajjiki ta’ taħt id-19-il sena, intrebħet minn Marsamxett.

Is-sitt u l-aħħar tellieqa tal-pass b’erba’ mqadef intrebħet minn Bormla fejn għalihom qadfu Romario Brignone, Cleaven Falzon, George Frendo u Maximillian Mamo.

Fi tmiem l-avveniment, il-President tar-Regatta Nazzjonali u Qdif ieħor, Sinclair Cassar, ippreżenta t-trofej lir-rebbieħa tat-tlielaq kollha u dawk li spiċċaw fit-tieni u t-tielet post rispettivament.

Preżenti wkoll is-Segretarju Parlamentari għaż-Żagħżagħ Sport u Innovazzjoni Clifton Grima.

Miktub minn...
TVM Sport