Tennis
It-18-il Grand Slam ta’ Novak Djokovic – mirbuħ fost ħafna uġigħ u determinazzjoni

Fil-ħajja ma trid taqta’ qalbek qatt u tirriskja. Kien dan li għamel is-Serb Novak Djokovic fl-Open tal-Awstralja 2021. Wara li weġġa’ fit-tielet round tal-kompetizzjoni, Djokovic kien qal li ser jilgħab karta u jibqa’ jikkompeti u jara safejn jasal. Fil-kummenti li ta wara r-rebħ tad-disa’ Grand Slam tiegħu fl-Awstralja, Djokovic qal li din kienet l-aktar kompetizzjoni emozzjonanti li qatt lagħab fiha. Novak Djokovic għeleb lir-Russu Daniil Medvedev fi tliet sets biex b’hekk resaq eqreb lejn ir-rekord ta’ 20 Grand Slam li rebħu s’issa Roger Federer u Rafael Nadal.

L-aħħar sena xejn ma kienet faċli għal Novak Djokovic. Apparti l-pandemija tal-Covid-19, is-Serb kien fl-aħbarijiet meta spiċċa skwalifikat mill-Open tal-Istati Uniti 2020 wara li laqat line judge bil-ballun. Meta l-effett tal-pandemija kien naqas xi ftit fis-sajf li għadda, Djokovic organizza l-Adria Tour fil-Balkani u sfortunatament ħafna tennisti li kien qed jieħu sehem fih spiċċa infettat bil-Covid-19. Qabel ma beda l-Open tal-Awstralja, Djokovic ħadha qatta’ bla ħabel kontra l-organizzaturi meta kellu jagħmel ħmistax kwarantina fil-kamra tal-lukanda, imbagħad spiċċa fi ġlieda ta’ kliem kontra Nick Kyrgios fl-ewwel fażijiet tal-kompetizzjoni. Biex kollox jibqa’ ġej ħażin, is-Serb weġġa’ fit-tielet round tal-Open, u lagħab diversi logħbiet imweġġa’, fejn hu stess ammetta li kien qed jieħu l-injezzjonijiet kontra l-uġigħ.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet, frisk frisk wara r-rebħ tal-ewwel Grand Slam tal-2021, Djokovic ammetta li ċertu kummenti kienu jweġġgħuh għaliex huwa uman bħal kulħadd. Qal li anke hu għandu l-emozzjonijiet tiegħu u allura jiddejjaq meta xi ħadd jattakkah pubblikament.

Fil-karriera tiegħu Djokovic rebaħ 18-il Grand Slam, li disgħa minnhom rebaħhom fl-Awstralja. B’daħka, Djokovic irrefera għalih, għal Nadal u Federer bħala t-Tliet Kavallieri tat-Tennis, għaliex bejniethom rebħu xejn inqas minn 58 Grand Slam.

Novak Djokovic ikkonferma wkoll li issa ser jistrieħ sabiex jirkupra mill-muskolu mċarrat li baqa’ jilgħab bih matul dan il-Grand Slam. Is-Serb ikkonferma dak li għadda minnu fit-tielet round tat-tournament, kif permezz tal-assistenza medika u l-injezzjonijiet irnexxielu jegħleb l-uġigħ u jibqa’ jilgħab. Djokovic stqarr li skont scan tal-MRI li sarlu ftit qabel il-finali, kien ikkonfermat li l-muskolu kompla jiċċarrat għax baqa’ jilgħab.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA