Futbol internazzjonali
It-Tazza tad-Dinja tal-Klabbs posposta għal Frar li ġej

It-Tazza tad-Dinja tal-Klabbs li oriġinarjament kienet ippjanata li ssir f’Diċembru, issa ġiet posposta għal Frar tas-sena d-dieħla. Il-FIFA qalet li t-Tazza tad-Dinja tal-Klabbs ser issir bejn l-1 u l-11 ta’ Frar f’Doha, il-Qatar. Din it-Tazza tad-Dinja tal-Klabbs iġġib flimkien liċ-champions tas-sitt kontinenti differenti madwar id-dinja, bl-Ewropa ser tkun irrappreżentata minn Bayern Munich, li rebħu l-UEFA Champions League fl-istaġun li għadda. Il-holders tat-Tazza tad-Dinja tal-Klabbs huwa Liverpool li s-sena li għaddiet għelbu lil Flamengo fil-finali.

Il-FIFA għadha ma ħabbritx jekk il-partitarji hux ser jitħallew jidħlu fl-istadia, deċiżjoni li mistennija tittieħed aktar ‘il quddiem wara diskussjonijiet bejn il-FIFA u l-Qatar.

Din kellha tkun l-aħħar edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja tal-Klabbs kif nafuha llum, għaliex mis-sena d-dieħla kellha tiġi estiża għal 24 tim minn madwar id-dinja. Biss dawn il-pjanijiet kellhom jiġu posposti wara li l-EURO 2020 ġiet posposta għas-sajf li ġej minħabba l-pandemija tal-Covid-19.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA