Futbol internazzjonali
It-Tazza tad-Dinja tal-Klabbs tal-FIFA ser issir kmieni s-sena d-dieħla

Ser ikunu l-Emirati Għarab Magħquda li jospitaw l-edizzjoni li jmiss tat-Tazza tad-Dinja tal-Klabbs tal-FIFA. L-edizzjoni mhijiex ser issir f’Diċembru ta’ din is-sena imma kmieni s-sena d-dieħla, u dan wara li l-Ġappun informa lill-FIFA li ma setax jospita l-kompetizzjoni minħabba l-pandemija tal-Covid-19.

F’din il-kompetizzjoni jieħdu sehem it-timijiet rebbieħa mis-sitt konfederazzjonijiet affiljati mal-FIFA. Din tista’ tkun l-aħħar edizzjoni b’seba’ timijiet, għaliex il-FIFA kellha pjanijiet li minn Ġunju ta’ din is-sena jsir turnew apposta b’24 tim. Fil-fatt it-turnew kellu jsir iċ-Ċina imma kien pospost minħabba l-pandemija tal-Covid-19 u s’issa għadha ma ngħatatx data meta ser isir.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA