Atletika
It-teknoloġija għandha tkun ċentrali għas-suċċess tal-atleti

Iċ-champion dinji u olimpiku tal-maratona Eliud Kipchoge qal li t-teknoloġija għandha tkun fiċ-ċentru sabiex l-atleti jibqgħu jtejbu l-ħinijiet tagħhom fil-futur.

Il-Kenjan għadu frisk mir-rebħ tal-midalja tad-deheb f’Tokjo, u dan għamlu b’żarbun apposta tad-ditta Nike li kien fih carbon-fibre plates sabiex il-ġirja tkun aktar b’saħħitha u l-ħinijiet ikunu aktar veloċi.

Skont Kipchoge, “jekk m’aħniex ser naċċettaw it-teknoloġija allura m’aħniex nimxu ‘l quddiem … Naf li ser ikun hemm ir-regolamenti, imma t-teknoloġija għandha tkun iċ-ċentru tal-iżvilupp.” Kipchoge qal li l-atleti kollha għandu jkollhom aċċess għall-aqwa teknoloġija u innovazzjoni. Huwa b’hekk biss li l-wirjiet tal-atleti jistgħu jitjiebu.

Iż-żraben ta’ Kipchoge dejjem lagħbu parti sew fis-suċċess tiegħu. Fl-2019 sar l-ewwel atleta li qatt irnexxielu jiġri maratona f’inqas minn sagħtejn, suġġett li saħansitra qiegħed isir dokumentarju fuqu. Illum Kipchoge għandu 36 sena imma m’għandu l-ebda ħsieb li jirtira, anzi fi kliemu stess, irid ikompli jikkompeti u jirbaħ.

Matul l-Olimpjadi ta’ Tokjo kien hemm atleti oħra bħal Karsten Warholm li għamlu ħinijiet impressjonanti u kisru rekords dinjija. Warholm irnexxielu jwaqqaf rekord dinji fl-400 metru hurdles, b’żarbun b’teknoloġija avvanzata għall-ġiri. F’kummenti li kien ta lill-aġenzija Reuters ftit jiem wara r-rebħ tal-midalja tad-deheb, Warholm ammetta li kull darba li atleta jirbaħ tellieqa b’ħin rekord, il-mistoqsija ser tqum jekk dan seħħx għax tajjeb l-atleta jew inkella minħabba ż-żarbun li kien liebes.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA