Futbol lokali
It-tielet rebħa konsekuttiva għall-Ispartans li tfisser l-ewwel post tal-klassifika waħedhom

KAMPJONAT BOV PREMIER 2020/21

Ħamrun S………….3

Senglea A………….0

Ħamrun Spartans ftit sabu diffikulta sabiex għelbu lil Senglea Athletics u b’hekk kisbu t-tielet rebħa tal-istaġun.

L-Ispartans kienu ġejjin minn żewġ rebħiet konsekuttivi kontra Sirens bl-iskor ta’ 5-1 u Santa Lucia 4-1. Mill-banda l-oħra Senglea tilfu fl-ewwel logħba kontra Lija filwaqt li ġew draw fit-tieni waħda ma’ Żejtun.

L-ewwel azzjoni tal-logħba waslet minn Ħamrun appena sitt minuti hekk kif Mbong sab lil Barbosa bix-xutt tiegħu jiġi parzjalment mblukkat minn Bugeja, ballun għand Adeshina li minn quddiem il-lasta spara għoli.

Disa’ minuti logħob u jasal l-ewwel attakk ta’ Senglea b’xutt mid-distanza ta’ Jan Tanti li Debono salva.

Fit-tlettax il-minuta Serrano Valero sab lil Djordjevic bix-xutt angolat tiegħu jkun salvat minn Bugeja.

L-Ispartans fetħu l-iskor fl-24 minuta fejn wara li l-goalkeeper Bugeja waqqa lil Adeshina fil-kaxxa mill-ħdax il-metru kien Predrag Djordjevic li kkonverta.

Disa’ minuti minn tmiem l-ewwel taqsima Mbong sab lil Barbosa li iżda kkonkluda barra. Biex l-Ispartans irduppjaw qabel għalqet it-taqsima b’gowl minn Ige Adeshina li bir-ras qabbeż minn fuq Bugeja.

Fil-51 minuta azzjoni personali ta’ Barbosa kienet miżmuma minn sieq il-lasta. U fit-78 minuta ċans ieħor għall-Ispartans meta Mbong qassam għan-nofs lejn Barbosa iżda x-xutt tiegħu għadda jħakkek mal-lasta.  U minuta wara Sasere falla ċans tajjeb ta’ skor.

Ħamrun skurjaw it-tielet gowl fit-82 minuta meta minn corner ta’ Mbong kien Djordjevic li bir-ras kompla lejn Elkin Serrano Valero li bir-ras ukoll tefa’ ġewwa.

BOV Player tal-Logħba:  Joseph Mbong (Ħamrun S.)

Referee: Slobodan Petrovic

Formazzjonijiet:-

Ħamrun S. –  J. Debono, D. Gojkovic, J. Mbong, J. Ailton Soares (F.Sasere 71’), I. Adeshina (K. Higgans 86’), E. Serrano Valero, P. Dordevic, K. Micallef, M. Barbosa, E. Marcelina, D. Borg (N. Micallef 86’)

Senglea A. –  D. Bugeja, N. Terzin, Z. Cassar, K. Atkinson (D. Xuereb 68’), I. Misan, U. Parezanin (A.Abela 88’), R. Martin (L. Brincat 80’), J. Tanti (D. Abela 88’), L, Riascos, A. Scicluna, J. Dibola Diwoto

 

 

Miktub minn...
TVM Sport