Atletika
It-tieni edizzjoni tal-kompetizzjoni internazzjonali tal-EAP Malta għas-Sibt li ġej

Nhar is-Sibt 17 ta’ Lulju ser tkun organizzata t-tieni edizzjoni tal-European Athletics Promotion Circuit f’pajjiżna. L-EAP Circuit iġib flimkien numru t’atleti Ewropej li jkunu mistiedna mill-klabbs membri fl-EAP. Din l-edizzjoni ser tkun organizzata għal darb’oħra minn Pembroke Athleta b’kollaborazzjoni m’Athletics Malta u l-EAP.

L-ewwel edizzjoni li saret f’pajjiżna kien fl-2019, u tas-sena li għaddiet kellha tinqabeż minħabba l-pandemija tal-Covid-19. F’konferenza tal-aħbarijiet ftit jiem qabel it-tieni edizzjoni ntqal li l-konkorrenza għat-tieni edizzjoni kienet ser tkun waħda tajba ħafna. Fil-fatt kienu diġà daħlu mat-82 reġistrazzjoni minn atleti Ewropej, żieda mir-reġistrazzjonijiet ta’ sentejn ilu. Biss fl-aħħar ġimgħa ta’ Ġunju nqala’ l-ewwel intopp meta nħarġu xi restrizzjonijiet dwar l-ivvjaġġar li wasslu lil 23 atleta mir-Renju Unit li jikkanċellaw ir-reġistrazzjoni tagħhom. Fl-aħħar jiem il-kanċellamenti baqgħu għaddejjin minħabba aktar restrizzjonijiet.

S’issa jidher li ser ikunu 30 atleta barrani li ser jieħdu sehem flimkien ma’ madwar 150 atleta minn pajjiżna.

Minħabba li l-pubbliku ma jistax ikun preżenti, l-attività kollha tas-Sibt li ġej ser tintwera diretta.

Il-kompetizzjonijiet ser ivarjaw minn tlielaq fuq distanzi qosra u twal, long jump, triple jump u pole vault. Kollox ser isir fl-istadium Matthew Micallef St John fil-Marsa.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA