Futbol lokali
It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena jirritorna għat-taħriġ

It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena mmexxi mill-kowċ nazzjonali Silvio Vella reġa’ rritorna għat-taħriġ tiegħu mill-Ħadd li għadda.

Vella sejjaħ skwadra ta’ 30 plejer bi preparazzjoni għall-partiti li t-tim irid jilgħab lejn l-aħħar ta’ din is-sena.

Il-partiti ta’ kwalifikazzjoni għall-kampjonati Ewropej ta’ taħt il-21 sena kellhom jitwaqfu ħesrem f’Marzu li għadda minħabba l-pandemija tal-COVID-19.

Malta kien imissha tilgħab f’darha l-partiti minn Grupp 8 kontra l-Ukrajna u l-Finlandja u issa dawn il-partiti ġew skedati għal Novembru li ġej.

Qabel dawn il-partiti, Malta se tkun qed tilgħab erba’ partiti oħra mill-istess Grupp, tnejn f’Settembru f’Malta stess kontra l-Irlanda ta’ Fuq u r-Rumanija u tnejn f’Ottubru kontra d-Danimarka u barra minn dahrna kontra l-istess Rumanija.

Miktub minn...
TVM Sport