Waterpolo
It-tim nazzjonali Malti tal-U17 tan-nisa tal-Waterpolo jirbaħ l-unur tal-“Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar” għal Awwissu

It-tim nazzjonali tan-nisa tal-U17 tal-Waterpolo ngħata l-unur tal-“Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar” għal Awwissu. Bħal fil-każ tat-tim nazzjonali tal-U15 tal-Irġiel tal-Waterpolo f’Mejju li għadda, ġie magħżul tim minflok atleta individwali.

It-tim nazzjonali tan-nisa rebaħ l-ewwel logħba storika tiegħu fil-Kampjonati Ewropej tal-LEN ta’ din il-kategorija. Dsatax-il pajjiż ħa sehem fil-LEN Women’s European U17 Waterpolo Championships li saru f’Sibenik, il-Kroazja. It-tim Malti kien fi Grupp Ċ kien mal-Kroazja, il-Ġermanja, ir-Rumanija u r-Russja.

It-tim Malti mmexxi mill-kowċ Anthony Farrugia wara li tilef kontra l-Kroazja u l-Ġermanja, rebaħ kontra r-Rumanija bl-iskor ta’ 11-8. B’din ir-rebħa t-tim Malti kellu ċ-ċans li jilgħab l-aħħar logħbiet ta’ klassifikazzjoni ta’ bejn it-tlettax u s-sittax-il post. Meritatament il-Maltin għelbu lill-Bulgarija 10-9 u spiċċaw din il-kompetizzjoni fil-ħmistax-il post.

It-trofew tal-“Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar” għal Awwissu flimkien ma’ tifkira tal-okkażjoni ġew ippreżentati lill-plejers kollha tat-tim nazzjonali tal-U17 minn Matthew von Brockdorff, Direttur Maniġerjali u Kap Eżekuttiv ta’ Atlas Insurance. L-Għaqda Ġurnalisti Sports kienet irrappreżentata mill-President Sandro Micallef, is-Segretarju Ġenerali Lorraine Cunningham u l-Amministratur Stephen Azzopardi.

Dan il-premju ta’ kull xahar jingħata b’inizjattiva konġunta tal-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien ma’ Atlas Insurance.

Waqt l-istess preżentazzjoni, il-baħħar żagħżugħ Richard Schultheis ingħata t-trofew taż-Żagħżugħ tas-Sena, li kien rebaħ f’Marzu waqt l-iSportMalta Awards L-Għażliet Sportivi Nazzjonali. Huwa rritorna f’Malta fl-aħħar jiem wara li kien ilu barra minn Ġunju u għalhekk ma setax ikun preżenti għall-preżentazzjoni li kienet saret lir-rebbieħa l-oħra.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA