Olimpijadi TOKYO 2020
It-tim Olimpiku tar-Renju Unit jibda jħabbar l-atleti f’nofs l-inċertezza jekk isirux l-Olimpjadi

Ix-Chef de Mission tat-tim Olimpiku tar-Renju Unit, Mark England, jinsab kunfidenti li l-Olimpjadi ta’ Tokjo ser isiru kif ippjanat is-sajf li ġej. Skotn England, għalkemm il-Logħob Olimpiku mistenni jsir, dan ser ikun differenti ħafna għall-atleti mill-edizzjonijiet passati sforz il-pandemija tal-Covid-19.

Il-Logħob Olimpiku mistenni jibda fit-23 ta’ Lulju li ġej u jibqa’ għaddej sat-8 t’Awwissu, biss qamu dubji ġodda kemm fil-verità ser isiru l-Olimpjadi minħabba li l-Gvern Ġappuniż poġġa lil Tokjo fi stat t’emerġenza minħabba l-Covid-19.

Il-kummenti ta’ Mark England waslu waqt it-tħabbira tal-atleti li ser jieħdu sehem fid-dixxiplina tal-isparar, fejn qal li qegħdin jagħmlu t-tħabbira għax jinsabu kunfidenti li l-Logħob Olimpiku ser isir xorta waħda.

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, fi stħarriġ ippubblikat f’wieħed mill-ġurnali Ġappuniżi, ħareġ ċar li l-maġġornaza tan-nies ta’ Tokjo jridu li l-Olimpjadi jew jerġgħu jiġu posposti nkella kkanċellati għalkollox, bl-espert ekonomiku Takeshi Niinami jgħid li hemm inċertezza kbira kemm il-Logħob Olimpiku jista’ jsir kif ippjanat.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA