Olimpijadi TOKYO 2020
It-tim ta’ refuġjati għall-Olimpjadi jkollu jibqa’ Dubaj wara każ ta’ Covid-19

It-tim ta’ refuġjati li ser jieħu sehem fl-Olimpjadi ta’ Tokjo kellu jipposponi l-wasla fil-Ġappun hekk kif instab każ pożittiv ta’ Covid-19. It-tim ta’ refuġjati kien qed jitħarreġ fil-Qatar meta waħda mill-uffiċjali nstab li kellu l-Covid-19 wara swab test.

Fil-Qatar kien hemm b’kollox 26 atleta u 10 uffiċjali minn delegazzjoni li fiha b’kollox 38 persuna. Filwaqt li l-persuna infettata tinsab fi kwarantina, il-persuni l-oħra baqgħu l-Qatar jistennew xi jiem jgħaddu qabel ikunu jistgħu jivvjaġġaw.

Il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali qal li dawk li kienu l-Qatar ser jibqgħu jitħarrġu u jippreparaw f’Doha, filwaqt li ser isirulhom testijiet kuljum.

Dan it-tim ser jikkompeti taħt il-bandiera Olimpika u jinkludi atleti mis-Sirja, is-Sudan t’Isfel, l-Eritrea, l-Afghanistan u l-Iran.

L-ewwel darba li dan it-tim ħa sehem f’Olimpjadi kienu f’ta’ Rio ħames snin ilu. Id-29 atleta ser jikkompetu fi 12-il dixxiplina differenti.

Il-membri tat-tim ta’ refuġjati ser jimxi waral-kontinġent Grieg fiċ-ċerimonja inawgurali.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA