Futbol internazzjonali
It-tim tat-tfajliet tal-Afganistan jasal il-Pakistan wara evakwazzjoni

It-tim tat-tfajliet tal-futbol tal-Afganistan wasal f’Lahore, il-Pakistan. It-tim tat-tfajliet kien akkumpanjat mill-membri tal-familja wara li telqu mill-Afganistan biex isibu kenn f’pajjiż ieħor.

Waħda mill-organizzazzjonijiet non-governattivi tal-Pakistan talbet lill-Gvern tal-pajjiż sabiex jinstab post xieraq fejn il-plejers tal-futbol flimkien mal-familjari tagħhom ikunu jistgħu jissettiljaw.

Skont Shahid Khokhar, membru fil-kumitat rikonċiljattiv tal-FIFA, qal li t-tama hi li l-plejers u l-familjari jissettiljaw il-Qatar.

It-tim tat-tfajliet ħalla l-Afganistan wara li t-Taliban reġa’ ħa l-kontroll tal-pajjiż. Ex captain tat-tim nazzjonali ħeġġet lil dawk li għadhom ma telqux mill-Afganistan sabiex jaħarqu l-gear tat-tim nazzjonali u jneħħu l-accounts fuq il-midja soċjali biex ma jkollhomx problemi mat-tmexxija tat-Taliban.

Il-FIFA qiegħda tagħmel dak kollu possibbli biex tevakwa lil dawk kollha relatati mal-futbol li għadhom maqbuda l-Afganistan.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA