Futbol internazzjonali
It-timijiet Ingliżi jirtiraw mis-Super League Ewropew, Ed Woodward ser jitlaq mill-kariga ma’ Manchester UTD fi tmiem is-sena

Il-proġett tas-Super League żamm mill-Milied sa San Stiefnu għas-sitt timijiet Ingliżi. Bi protesti kbar mill-partitarji, bil-managers u l-plejers kulħadd jitkellem dwar is-Super League, l-amministrazzjonijiet tas-sitt klabbs Ingliżi ma kellhom l-ebda għażla ħlief li jirtiraw sabiex isalvaw wiċċhom.

Kien biss 48 siegħa qabel li kien ippubblikat il-ftehim bejn is-sitt timijiet Ingliżi, u oħrajn minn Spanja u l-Italja, sabiex jifformulaw is-Super League Ewropew.

L-ewwel tim li rtira mill-kompetizzjoni kien Manchester City, u kienu segwiti minn Arsenal, Manchester United, Liverpool u Tottenham Hotspur. Chelsea kien l-aħħar tim li rtira, billi daħħlu l-karti ta’ riżenja għand il-kumpanija Super League.

Dan l-irtirar poġġa l-proġett kollu f’ġenn sħiħ, tant li l-President ta’ Real Madrid Florentino Perez ikkanċella intervista fuq radju Spanjol minħabba dak kollu li kien qed iseħħ. Barra minn hekk, l-amministrazzjoni tas-Super League ma tat l-ebda kumment wara l-irtirar tat-timijiet Ingliżi.

Il-partitarji ta’ Chelsea kienu aktar kuntenti bl-eżitu tal-irtirar tal-klabb mis-Super League Ewropew milli bir-riżultat li l-Blues kisbu fi Stamford Bridge kontra Brighton & Hove Albion.

It-Tlieta filgħaxija Chelsea ġew draw ta’ 0-0 ma’ Brighton, imma l-partitarji kantaw u qabżu malli saru jafu li l-klabb irtira mis-Super League Ewropew. Fuq fomm kulħadd, ‘ktibna l-istorja,’ wara li numru ta’ partitarji nġabru ħdejn Stamford Bridge biex jipprotestaw kontra d-deċiżjoni tal-amministrazzjoni tal-klabb li jissieħeb fis-Super League Ewropew. Il-partitarji bdew jgħajtu li “ġibna liċ-Chelsea tagħna lura.”

Il-Blues kienu l-aħħar tim Ingliż li rtira mis-Super League Ewropew.

Il-viċi chairman eżekuttiv ta’ Manchester United, Ed Woodward, ser ikun qiegħed iħalli l-kariga fi tmiem din is-sena. Fi stqarrija maħruġa mir-Red Devils, kien ikkonfermat li Woodward ser jitlaq wara li kien wieħed mill-figuri prinċipali sabiex jiġi ffurmat is-Super League Ewropew.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA