Futbol internazzjonali
It-timijiet kollha tal-Premier League Ingliż jirritornaw għat-taħriġ

Il-plejers ta’ Leicester City irritornaw għat-taħriġ biex issa t-timijiet kollha tal-Premier League qegħdin jitħarrġu biex ikomplu l-istaġun 2019/20.

Minn nhar it-Tnejn li għadda l-Premier League vvota favur li l-klabbs ikunu jistgħu jitħarrġu fi gruppi żgħar mingħajr ma jkun hemm kuntatt. Kmieni l-ġimgħa d-dieħla għandha tittieħed deċiżjoni oħra dwar meta t-timijiet ser jitħallew jagħmlu taħriġ ta’ kuntatt biex jersqu pass eqreb lejn it-tkomplija tal-istaġun.

Skont il-Ministru tal-Kultura Ingliż Oliver Dowden, il-pass ta’ din il-ġimgħa kien wieħed kbir ‘il quddiem, u permezz tal-linji gwida li qed jinħarġu mill-awtoritajiet tas-saħħa qed jittama li sa nofs Ġunju l-kampjonat ikun jista’ jitkompla.

Mit-testijiet li saru fuq il-plejers u l-istaff tekniku tal-klabbs qabel irritornaw għat-taħriġ, irriżulta li sitt persuni huma infettati bil-Covid-19. Tlieta minnhom huma parti mit-tim ta’ Watford, filwaqt li Burnley ħabbru li Ian Woan, l-assistent kowċ tat-tim ukoll irriżulta pożittiv għall-Covid-19.

Il-persuni li nstabu pożittivi jinsabu kwarantina għal sebat ijiem qabel jirritornaw għat-taħriġ, bit-tama hi li l-ġimgħa d-dieħla t-timijiet ikollhom lill-plejers kollha lura għat-taħriġ. Hemm xi plejers, fosthom il-midfielder ta’ Chelsea N’Golo Kante u l-attakkant ta’ Watford Troy Deeney, li ma jridux jirritornaw għat-taħriġ għalissa minħabba l-biża’ tal-Covid-19.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA