Futbol internazzjonali
It-timijiet ta’ Manchester u tnejn minn Londra fis-semifinali tal-FA Cup

Newcastle UTD 0   Manchester City 2

Manchester City żammew it-tamiet tagħhom li jistgħu jirbħu tliet tazzi f’dan l-istaġun meta fis-St James’ Park għelbu lil Newcastle UTD 2-0. Kien De Bruyne li fetaħ l-iskor għas-City fis-37 minuta minn penalty, b’Raheem Sterling jagħlaq il-konfront fit-68 minuta.

Matul dan l-istaġun Manchester City diġà rebħu l-Carabao Cup, u għadhom fiċ-ċans li jgħollu l-FA Cup u l-UEFA Champions League.

 

Leicester City 0   Chelsea 1

Diżappunt ieħor għall-Foxes ta’ Brendan Rodgers meta fil-King Power Stadium tilfu kontra Chelsea bl-iskor ta’ 1-0. Il-gowl ta’ Ross Barkley fit-63 minuta ddeċieda l-logħba favur il-Blues imma l-manager Rodgers żgur li jinsab inkwetat meta l-forma ta’ Leicester wara r-ritorn tal-kompetizzjonijiet hija waħda fjakka għall-aħħar. Eliminati mill-FA Cup, issa Leicester fadlilhom it-tragward ta’ post fil-UEFA Champions League fl-istaġun li ġej imma jekk ser jibqgħu jwaqqgħu l-punti ma tkun l-ebda sorpriża li jitilfu kollox.

 

Sheffield UTD 1   Arsenal 2

Il-Gunners għamluha għas-semifinali tal-FA Cup meta għelbu lil Sheffield United 2-1. Kienu l-Blades li skurjaw l-ewwel wara 8 minuti imma l-gowl kien ikanċellat permezz tal-VAR wara li Lundstram kien f’pożizzjoni t’offside. Arsenal sabu x-xibka fil-25 minuta mill-penalty ta’ Pepe biex l-iskor kien 1-0 sal-mistrieħ.

Fit-tieni taqsima donnu ħadd ma seta’ jsib ix-xibka u fis-87 minuta McGoldrick ġab id-draw għal Sheffield United, imma Ceballos mal-ewwel minuta fuq il-ħin regolamentari reġà sab ix-xibka għal Arsenal biex b’hekk rebħu dan il-konfront.

 

Malli ntemmu l-kwartifinali kollha ttellgħu l-poloz tas-semifinali u għad hemm il-possibilità li jew ikollna finali kollha minn Manchester inkella minn Londra:

Manchester UTD – Chelsea

Arsenal – Manchester City

Is-semifinali jintlagħbu fit-18 u d-19 ta’ Lulju filwaqt li l-finali tal-FA Cup tintlagħab fl-1 t’Awwissu, dejjem bil-bibien magħluqa.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA