Olimpijadi TOKYO 2020
It-torċa olimpika sejra fir-reġjun ta’ Kumamoto, b’aktar parteċipanti jinstabu pożittivi għall-Covid-19

It-torċa olimpika għaddiet mir-reġjun t’Okinawa fl-ewwel jumejn ta’ Mejju, fit-tieni reġjun li ma tħallewx spettaturi jsegwu l-mixja tat-torċa.

Barra minn hekk, is-Sibt li għadda tard filgħaxija sar magħruf li sitt persuni li kienu involuti meta t-torċa olimpika kienet għaddejja mir-reġjun ta’ Kagoshima nstabu infettati bil-Covid-19. Jidher li l-persuni kollha kienu involuti fis-27 t’April li għadda, u b’hekk in-numru totali ta’ persuni infettati li kellhom x’jaqsmu mar-relay tat-torċa olimpika tela’ għal tmienja.

Wara li lestiet mir-reġjun t’Okinawa, it-torċa tinsab fi triqitha għar-reġjun ta’ Kumamoto, bir-relay mistennija tkompli nhar l-Erbgħa li ġej. Ir-reġjun ta’ Kumamto ser ikun id-dsatax-ir reġjun li minnu ser tkun qed tgħaddi t-torċa minn 47 qabel tasal f’Tokjo għall-ftuħ tal-Logħob Olimpiku fit-23 ta’ Lulju.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA