Olimpijadi TOKYO 2020
It-torċa olimpika terġa’ tisfa waħedha fir-reġjun t’Ishikawa

It-torċa olimpika tinsab għaddejja mir-reġjun t’Ishikawa, iżda din id-darba mingħajr il-pubbliku preżenti. Bħalma sar f’reġjuni oħra affettwati mill-pandemija tal-Covid-19, it-torċa olimpika kienet limitata għal post wieħed, fejn dawk li kellhom iġorruha nġabru lkoll flimkien.

Suppost, fl-ewwel jum fir-reġjun t’Ishikawa t-torċa kellha tgħaddi minn Kaga sa Kanazawa.

Bħalissa huma disgħa r-reġjun li jinsabu fi stat t’emerġenza u għandhom hekk sal-20 ta’ Ġunju, fosthom il-belt ta’ Tokjo fejn suppost għandhom isiru l-Olimpjadi.

Fil-preżent il-Ġappun qed jaffaċċja r-raba’ mewġa ta’ każijiet tal-Covid-19, filwaqt li t-tilqima qed tingħata b’pass kajman għall-aħħar. Ir-residenti ta’ Tokjo qed jibżgħu li bl-eluf ta’ nies li ser jaslu għall-Olimpjadi, ser tiżdied bil-kbir l-inċidenza li jiddaħħlu varjanti ġodda fil-pajjiż li jkomplu jġibuh għarkupptejh.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA