Olimpijadi TOKYO 2020
It-Torċa Olimpika tinsab għaddejja mit-tieni reġjun fil-Ġappun

It-torċa olimpika tinsab għaddejja mit-tieni reġjun fil-Ġappun, mit-total ta’ 47 li trid tgħaddi minnhom sakemm tasal f’Tokjo f’Lulju li ġej.

It-torċa olimpika ilha ħamest ijiem li bdiet il-vjaġġ tagħha, u matul l-aħħar sigħat kienet għaddejja mir-reġjun ta’ Tochigi. Dawk li ħadu sehem fir-relay bit-torċa olimpika użaw mezzi differenti biex għaddew minn villaġġ għall-ieħor, fosthom bil-pass, bil-ġiri, bid-dgħajsa, bil-wheelchair u anke bir-rota.

Fl-aħħar jiem bdew iqumu xi dubji dwar kemm l-Olimpjadi jistgħu jsiru kif skedat, meta l-każijiet fil-Ġappun reġgħu bdew telgħin, u hemm min qed jgħid li bdiet ir-raba’ mewġa tal-pandemija fil-pajjiż. Il-Ministru Ġappuniż Taro Kono, li huwa responsabbli mit-tilqim kontra l-Covid-19 qal li l-vaċċin ser jibda jingħata b’rata mgħaġġla minn Mejju ta’ din is-sena. Il-Prim Ministru Yoshihide Suga kkonferma li sa Ġunju li ġej, il-pajjiż ser ikollu tilqim biżżejjed biex titlaqqam il-popolazzjoni ta’ 126 miljun ruħ.

L-organizzaturi tar-relay ukoll qed ikollhom biċċa uġiegħ ta’ ras, għaliex diversi parteċipanti qegħdin jiddeċiedu li ma jieħdux sehem fl-aħħar sigħat, b’oħrajn jinsistu li kienu mgħarrfa tard li ser iġorru t-torċa olimpika.

 

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA