Snooker
Ivan Brincat jinħatar President tal-MBSA wara vot b’saħħtu ta’ kważi 78%

Ivan Brincat inħatar President tal-Malta Billiard & Snooker Association wara l-Laqgħa Ġenerali Annwali li saret tard ilbieraħ filgħaxija fil-Ħamrun.

Fl-ewwel diskors tiegħu bħala President, is-Sur Brincat irringrazzja lil dawk kollha li pparteipaw f’din l-elezzjoni fejn kien hemm aktar minn 60 vot mitfuha minn madwar 80 persuna li kienu eliġibbli.

Dan juri biċ-ċar kemm il-MBSA hija Assoċjazzjoni ħajja. Is-Brincat tenna li huwa ser ikun qiegħed ipoġġi kemm lill-plejers kif ukoll lir-referees tal-Isnooker fiċ-ċentru tal-ħidma tiegħu u dan sabiex ikomplu jinkisbu aktar suċċessi.

Fl-elezzjoni għall-kariga ta’ President, Brincat ġab 77.77% tal-voti mitfugħa kontra Kevin Vella. F’termini ta’ voti, dan fisser li Brincat ġab 49 vot kontra l-14 ta’ Kevin Vella.

Il-vot b’saħħtu ta’ Brincat kien biżżejjed biex miegħu jtella’ lit-tim tiegħu, kollu miegħu. Dan għax ir-riżultati tal-persuni fil-kariga l-oħra kollha kien wieħed b’saħħtu u ċar ukoll.

Għall-elezzjoni ta’ Viċi President, Joseph Zerafa ġab 52 vot kontra l-11 ta’ Alexander Arena.

Għall-kariga ta’ Segretarju Ġenerali, Andrea Aquilina ġab 48 vot kontra l-14-il vot ta’ James Farrugia.

Għall-kariga ta’ Teżorier, Lothar Mallia ġab 51 vot kontra t-13 ta’ Charles Micallef.

Għall-kariga ta’ PRO, Cameron Farrugia ġab 48 vot kontra l-14 ta’ Kevin Azzopardi.

Għaż-żewġ postijiet bħala membri fl-Eżekuttiv, Terry Camilleri ġab 52 vot kontra s-7 ta’ Andre’ Arciola mentri Maurce Calleja ġab 52 vot kontra l10 ta’ Paul Caruana.

Waqt din il-laqgħa ġiet approvata proposta biex it-terminu tal-Kumitat Eżekuttiv ikun għal 3 snin u mhux kif preżentament qiegħed, jiġiefieri terminu ta’ sentejn, u dan minħabba l-pandemija tal-Covid-19 sabiex l-Eżekuttiv ikollu aktar żmien biex jaħdem.

Fl-aħħar tal-Laqgħa ġie deċiż li s-Sur Frans Buġeja jinħatar bħala President Onorarju tal-Assoċjazzjoni bħala ringrazzjament tax-xogħol siewi li wettaq matul is-snin li fihom kien involut fl-MBSA.

Miktub minn...
TVM Sport