Sports Internazzjonali
Ix-Xogħol għall-Olimpjadi tax-Xitwa Miexi Ġmielu

L-organizzaturi tal-Olimpjadi tax-Xitwa ta’ Beijing jinsabu kunfidenti li l-edizzjoni tas-sena li ġejja ssir kif skedat, minkejja l-isfidi kollha li qed iġġib magħha l-Covid-19. Dan intqal waqt li l-midja kienet mistiedna żżur il-provinċja ta’ Hebei, f’Zhangijakou, iċ-Ċina, sabiex tkun tista’ tara l-iżviluppi li għaddejjin bi preparazzjoni għas-sena li ġejja.

Chen Ronggin, mid-Dipartiment għall-Ippjanar u l-Kostruzzjoni tal-Kumitat Organizzativ tal-Olimpjadi tax-Xitwa qal li l-miżuri tal-Covid-19 ikollhom jiġu rrikunsidrati aktar kemm toqrob iċ-ċerimonja tal-ftuħ.

Iż-żjara tal-midja fiċ-Ċina saret fl-isfond tal-aħbar li f’lukanda fil-Ġappun instabu numru ta’ każijiet ta’ Covid-19 fost it-tim Olimpiku Brażiljan. L-uffiċjali f’Beijing qed jaraw mill-qrib x’inhuma jagħmlu l-Ġappuniżi, u dan sabiex is-sena d-dieħla jkomplu jibnu fuq it-tajjeb li ser ikun hemm f’Tokjo.

L-elettriku li ser jintuża’ f’ħafna mill-faċilitajiet għall-Olimpjadi tax-Xitwa ser jasal minn enerġija rinovabbli, mill-panelli solari u r-riħ. L-Olimpjadi tax-Xitwa f’Beijing huma mistennija jibdew fl-4 ta’ Frar 2022.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA