Futbol internazzjonali
Team Nazzjonali U21: goal fl-aħħar sekondi għal draw ta’ 1-1 ma’ Ċipru

Draw ta’ 1-1 b’goal fil-ħin miżjud ma’ Ċipru temm l-impenji tat-team nazzjonali Malti taħt il-21 sena fi Grupp 6 ta’ kwalifikazzjoni tal-Kampjonat Euro Under 21 2019.

Id-draw kien il-premju minimu għal wirja pożittiva ħafna miż-żgħażagħ Maltin fit-tieni taqsima wara li kienu sabu ruħhom minn taħt fil-45 minuta li matulha ftit qabdu art u ċedew l-inizjattiva f’idejn ic-Ciprijotti li meritatament fetħu l-iskor minn Wheeler fil-35 minuta.

Storja għal kollox differenti wara l-mistrieħ meta t-team ta’ Silvio Vella ħareġ fuq l-offensiva u għalaq lill-avversarji fin-nofs tagħhom. L-aħħar kwarta kienet litteralment assedju fuq il-lasta ta’ Ċipru bil-Maltin f’okkażjoni wara l-oħra jonqsu milli jsibu x-xibka. L-ewwel kien il-goalkeeper Christodoulou li salva b’mod brillanti fuq Degabriele: imbagħad Nwoko minn taħt il-lasta naqas li jagħmel kuntatt mal-ballun mill-kross ta’ Beerman mix-xellug. Jurgen Degabriele kellu żewġ ċansijiet oħra f’temp ta’ żewġ minuti: l-ewwel darba kien sfortunat li x-xutt mill-kaxxa ż-żgħira stampa mal-mimduda: imbagħad minn pożizzjoni ideali spara għoli.

Fil-91 minuta finalment il-goal tad-draw: kienet azzjoni nsistita mill-Maltin, bil-ballun jispiċċa f’saqajn Kyrian Nwoko li minn ftit passi bogħod mil-lasta ma falliex. Riżultat finali Malta 1, Ċipru 1: draw li jagħti r-raba’ punt lil Malta imma xorta jħallina l-aħħar fil-grupp taħt Ċipru b’7.

B’din il-partita diversi players bħal Jake Grech li llum kien nieqes, il-goalkeeper Jake Galea, Nwoko, Kurt Zammit, Karl Micallef, Degabriele u Jean Borg, isellmu lill-iskwadra ta’ taħt il-21 sena billi ma jibqgħux eliġibbli għall-kompetizzjoni li jmiss.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm Kontrattakk.
Aħbarijiet Oħra
Futbol internazzjonali

Illejla jitkompla l-logħba tal-UEFA Nations League, fejn il-logħob tal-gruppi jiġi fi tmiemu għada. Żgur li l-aktar logħba mistennija llejla hija bejn il-Ġermanja u l-Olanda, logħba li tistgħu ssegwuwha diretta fuq…

Futbol internazzjonali

Belġju…..1 Malta……1 It-Tim Nazzjonali Malti tal-U19, f’wirja qalbiena, irnexxielu jieħu punt kontra l-qawwa tal-Belġju, meta fis-Centenary Stadium ir-riżultat finali kien dak ta’ 1-1. Din kienet it-tieni logħba għal pajjiżna fit-tournament…

Futbol internazzjonali

Malta……0 Kosovo…5 Fil-ħames logħba minn Grupp 3 ta’ League D tal-UEFA Nations League, it-tim Malti sofra t-tielet telfa f’dan il-grupp meta f’Ta’ Qali l-Kosovo ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 5-0. L-isfortuna…

Futbol internazzjonali

Illejla jitkompla l-logħob tal-UEFA Nations League fejn b’kollox ser jintlagħbu seba’ logħbiet li kollha ser jibdew fid-20:45. Il-logħbiet tal-lejla huma dawn: League A – Grupp 1 20:45  Olanda – Franza…

Aktar