Żwiemel
Iż-żiemel Medina Spirit u t-trainer Bob Baffert sospiżi

Ir-rebbieħ tal-Kentucky Derby Medina Spirit u t-trainer tiegħu Bob Baffert ġew sospiżi wara test tad-doping.

Kmieni matul Mejju ż-żiemel Medina Spirit instab pożittiv għas-sustanza betamethasone, sustanza illegali fid-dinja sportiva, ftit wara li rebaħ il-Kentucky Derby, l-ewwel tellieqa minn tlieta fis-serje Triple Crown.

Fit-tieni tellieqa minn din is-serje, iż-żiemel Medina Spirit ma kellux wirja daqstant sodisfaċenti, tant li daħal fit-tielet post wara Midnight Bourbon u r-rebbieħ Rombauer.

Skont il-Kap Eżekuttiv tat-Tlielaq ta’ Żwiemel ta’ New York, Dave O’Rourke, il-ħsieb tagħhom hu li jżommu l-industrija tat-tlielaq taż-żwiemel nadifa minn kull abbuż u għalhekk kienu qed jissospendu liż-żiemel Medina Spirit u lit-trainer tiegħu Bob Baffert.

It-trainer Baffert huwa magħruf ħafna fit-tlielaq taż-żwiemel, tant li fil-passat rebaħ sebat itlielaq tal-Kentucky Derby. Skont Baffert, huwa m’għamel xejn sabiex jabbuża jew jirbaħ it-tellieqa b’qerq. Bħalissa għadhom qed isiru testijiet oħra sabiex ikun ikkonfermat jekk is-sustanza betamethasone nstabitx fiż-żiemel Medina Spirit, u jekk dan ikun ikkonfermat, allura jitneħħielu t-titlu tal-Kentucky Derby.

 

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA