Futbol internazzjonali
James Rodriguez jingħaqad m’Al-Rayyan tal-Qatar

Il-Kolumbjan James Rodriguez ingħaqad m’Al-Rayyan tal-Qatar wara esperjenza m’Everton fil-Premier League Ingliż. S’issa għadu ma ġiex żvelat kemm ħallsu Al-Rayyan għal Rodriguez u għal kemm perjodu ffirma.

Rodriguez, li għandu 30 sena, mal-ewwel sabha diffiċli li jkollu postu fit-tim tat-Toffees mindu Rafael Benitez ħa t-tmun f’idu mingħand Carlo Ancelotti.

Kien f’Settembru 2020 meta Rodriguez mar f’Goodison Park mingħand Real Madrid, u fl-istaġun li għadda skorja sitt gowls u pprovda 9 assists f’26 logħba fil-kompetizzjonijiet kollha.

Il-karriera ta’ James Rodriguez kienet sparat ‘il fuq fl-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja 2014 meta kien saħansitra rebaħ iż-Żarbun tad-Deheb bħala l-aqwa skorer tat-turnew. Minn hemmhekk ingħaqad ma’ Real Madrid u b’kollox skorja 37 gowl, biss baqa’ ‘l bogħod minn dak li t-tmexxija ta’ Los Blancos stenniet minnu.

Fl-2017 kien misluf lil Bayern Munich għal żewġ staġuni u meta rritorna lura fil-Bernabeu fl-2019 sab li ma kienx fadallu post fit-tim. Minn hemmhekk ingħaqad m’Everton fejn ma rnexxilux jimpressjona lanqas u issa ser jipprova esperjenza fil-Qatar ma’ tim li fil-preżent jinsab fit-tmien post fil-klassifika wara l-ewwel żewġ logħbiet tal-istaġun.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA