Futbol lokali
Jekk il-futbol Malti jkompli…L-MFA tippjana biex l-istaġun jintemm fl-ewwel jiem ta’ Ġunju

Jekk il-futbol Malti se jkompli, il-Malta Footbal Association se tkun qed tippjana biex l-istaġun jintemm fl-ewwel jiem ta’ Ġunju, bil-finali tal-FA Trophy li se tkun qed tintlagħab l-Erbgħa fit-tieni ġurnata tax-xahar, u li tkun l-aħħar partita.

TVMSport jinab infurmat li fl-aħħar laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv tal-MFA, ġie deċiż li jekk l-Avviżi Legali jitneħħew u wara l-11 ta’ April l-attività sportiva tista’ tkompli b’mod normali, l-Assoċjazzjoni se tkun qed tippreżenta sett ta’ fixtures ġodda li għandhom iwasslu biex il-kampjonat Premier, iċ-Challenge League, il-Kampjonat tan-Nisa u kif ukoll l-FA Trophy jintemmu eżatt fil-ħin biex tkun tista’ tgħaddi l-ismijiet tal-klabbs Maltin li se jikkompetu fl-Ewropa.

Iżda jekk l-awtoritajiet jimponu li l-attività tibqa’ wieqfa, allura ma jkunx hemm alternattiva oħra ħlief dik li jintemmu l-kampjonati u l-kompetizzjonijiet kollha l-oħra b’mod immedjat, l-istess kif kien ġara fl-istaġun li għadda.

Bid-differenza tal-istaġun li għadda, l-MFA kienet għaddiet regolamenti fil-Kunsill li jekk kemm-il darba fil-futur, il-kampjonati jkollhom jitwaqfu minħabba xi raġuni jew oħra, il-klassifika tibqa’ tgħodd jekk ikun għad fadal 25% biss jew inqas tal-partiti x’jintlagħbu. Jekk dan ma jkunx il-każ, il-kampjonati jiġu nulli.

Storja ta’ fl-aħħar sigħat li ppubblika TVMSport tikkonferma li wara l-laqgħa tal-Premier League Standing Committee, il-maġġoranza tal-klabbs tal-Premier iridu li l-kampjonat ma jitkomplix minħabba diversi raġunijiet.

Bħalissa huwa mument ieħor diffiċli għall-futbol Malti minħabba n-nuqqas ta’ attività wara li l-awtoritajiet waqqfu l-isport ta’ kuntatt kważi xahar ilu u s’issa m’hemmx ħjiel ta’ meta l-futbol jista’ jitkompla. Wara l-logħob tat-timijiet nazzjonali, matul din tmiem il-ġimgħa, il-futbol fl-Ewropa tkompla kullimkien għajr għal Malta.

F’intervista li se tkun qed tixxandar illejla fil-programm 90 Minuta fuq TVM2 mid-20.45 ’il quddiem, il-President tal-MFA Bjorn Vassallo, saħaq dwar l-importanza għal kulħadd li l-futbol Malti jitkompla speċjalment fil-kategorija ‘elite’.

Vassallo qal li “ma jistax jifhem kif l-aktar pajjiż li għandu persuni ivvaċċinati fl-Ewropa proporzjonalment, hu l-uniku pajjiż fejn l-attività sportiva fil-livell ‘elite’ waqfet meta kienu l-awtoritajiet stess li kkonfermaw li t-trasmissjoni tal-virus fl-isport hu f’livell baxxi ħafna.”

Miktub minn...
TVM Sport