Olimpijadi TOKYO 2020
Jerġgħu jiddaħħlu d-dubji li l-Olimpjadi ta’ Tokjo jistgħu jiġu kkanċellati

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Liberali Demokratiku, Toshihiro Nikai, qal li l-Olimpjadi għadhom jistgħu jiġu kkanċellati. Dan qalu fid-dawl li diversi reġjuni Ġappuniżi qed jinnutaw inċidenzi aktar għolja ta’ każijiet tal-Covid-19.

Skont Nikai, l-opinjoni pubblika wkoll hija tali, li l-Logħob Olimpiku għandu jiġi pospost jew ikkanċellat, u ħeġġeġ lill-Gvern Ġappuniż sabiex jieħu nota ta’ dan kollu.

Fil-preżent il-Ġappun għaddej mir-raba’ mewġa ta’ każijiet tal-Covid-19, biss il-Gvern għadu jisħaq li l-Olimpjadi ser isiru kif ippjanat. Il-Prim Ministru Ġappuniż Yoshihide Suga qal li l-pożizzjoni tal-Gvern fuq il-Logħob Olimpiku ma nbidlitx, jgħid x’jgħid is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Liberali Demokratiku.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA