Olimpijadi TOKYO 2020
Jibda l-count down għall-Olimpijadi ta’ Tokyo 2020 fost biża’ ta’ iktar każijiet ta’ COVID-19

It-Torċa Olimpika daħlet fid-disa’ jum tagħha fil-kapitali Tokjo, bit-torca olimpika tibdel l-idejn quddiem ftit spettaturi. F’dan id-disa’ jum kien ikkonfermat ukoll li persuna fil-villaġġa olimpiku nstabet pożittiva, fl-ewwel każ fil-villaġġ, każ li mingħajr dubju qed ikomplu jkabbar it-tħassib u l-inċertezza li ilha ddawwar lil dawn l-Olimpijadi għal diversi xhur. Il-Kap Eżekuttiv ta’ Tokyo 2020 Toshiro Muto ikkonferma li persuna ta’ nazzjonalita’ barranija u li qed jgħin fl-organizzazjoni tal-logħob instab pożittiv.
L-Olimpijadi posposti mis-sena l-oħra se jsiru sena wara mingħajr spettaturi fost inċertezza kbira mill-popolazzjoni Ġappuniża hekk kif il-każi qed ikomplu jiżdiedu u l-biżgħa hi li dawn se jkomplu jikbru waqt l-Olimpijadi.

Intant it-tim tal-football tal-Korea t’Isfel wasal Tokjo għal dawn il-logħob li se jibdew fit-23 ta’ Lulju. It-tim Korean rebbieħ tal-midalja tal-bronż fil-Logħob ta’ Londra issa se jagħmel kwarantina ta’ tlett ijiem. Intant il-kontnġent tal-Korea t’Isfel kien imġiegħel ineħħi banners bil-bandiera Koreana u bil-kliem “Għandna l-appoġġ ta’ 50 miljun Korean” minn mal-galleriji tal-appartamenti tagħhom fil-villaġġa Olimpiku. Dan sar fuq talba tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali wara pressjoni li saret minn politikanti tal-lemin estrem fil-Ġappun.

 

 

Miktub minn...
TVM Sport
.