Olimpijadi TOKYO 2020
Jibdew id-diskussjonijiet dwar meta ser isiru l-Olimpjadi s-sena d-dieħla

Il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali beda jiddiskuti mal-assoċjazzjonijiet u l-federazzjonijiet sportivi madwar id-dinja sabiex l-Olimpjadi jsiru bejn Lulju u Awwissu tas-sena li ġejja. Il-ħsieb tal-KOI hu li sax-xahar id-dieħel ikunu ġew deċiżi d-dati definittivi ta’ meta ser jibda u jispiċċa l-logħob olimpiku. Iċ-chair tal-Kumitat Olimpiku Awstraljan John Coates qal li l-Olimpjadi ser ikollhom isiru bejn iċ-Championship ta’ Wimbeldon u l-Open tal-Istati Uniti, jiġifieri xi mkien mill-11 ta’ Lulju sal-bidu ta’ Settembru tal-2021.

S’issa jidher li huma ħafna dawk li qed jagħtu l-ideat dwar meta għandhom isiru l-Olimpjadi, iżda huwa mistenni li fil-ġimgħat li ġejjin dawn joħorġu uffiċjalment sabiex kull assoċjazzjoni u federazzjoni sportiva tkun tista’ tipprepara sew lill-atleti tagħha għal-logħob olimpiku.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA