Olimpijadi TOKYO 2020
Jibdew id-dixxiplini tal-isparar bil-qaws u l-qdif b’tiratriċi Russa jtiha ħass ħażin

Tiratriċi Russa taha ħass ħażin waqt li kienet qed tikkompeti fir-Round tar-Ranking Individwali tan-Nisa fl-Isparar bil-Qaws. Minħabba l-mewġa ta’ sħana li għaddejja bħalissa fuq il-belt ta’ Tokjo, numru ta’ coaches u staff spiċċaw ifittxu d-dell taħt is-siġar.

Svetlana Gomboeva kkollassat x’ħin kienet qed tiċċekkja l-iskors finali tagħha u kellha bżonn l-assistenza mill-istaff u sħabha tat-tim li poġġewlha s-silġ fuq moħħha biex tiffriska. Hija kellha tinħareġ mill-assistenti mediċi ‘l barra miċ-ċentru fejn kienet qed issir il-kompetizzjoni. Aktar tard, seħbitha tal-istess tim Ksenia Perova qalet li Gomboeva tinsab f’qagħda stabbli u ser tkun tista’ tibqa’ tikkompeti.

Jidher li fl-ewwel ġurnata tal-isparar bil-qaws it-temperaturi laħħqu t-33°C.

Fil-kategorija tan-nisa l-Koreani kienu fl-aqwa tagħhom, bl-ewwel tliet tiraturi jkunu kollha mill-Korea t’Isfel.

San An irnexxielha twaqqaf rekord olimpiku ġdid meta ġabret 680 punt u kisret ir-rekord tal-Ukrena Lina Herasymneko mwaqqaf fl-Olimpadi t’Atlanta fit-28 ta’ Lulju 1996.

Minhee Jang spiċċat it-tieni b’total ta’ 677 punt, segwita minn Chaeyoung Kang b’675 punt.

Fil-kategorija tal-irġiel, dominanza wkoll mill-Koreani, bi Brady Ellison jidħol f’nofshom fit-tieni post. Je Deok Kim ġabar 688 punt biex spiċċa fl-ewwel post, segwit mill-Amerikan Ellison b’682 punt u fit-tielet post Jinhyek Oh b’681 punt.

 

Minbarra l-isparar bil-qaws kien hemm ukoll il-heats tal-qdif, kemm tal-irġiel kif ukoll tan-nisa, f’dgħajjes ta’ wieħed, ta’ bi tnejn u b’erbgħa.

Filwaqt li għal-lum m’hemmx aktar kompetizzjonijiet minħabba ċ-ċerimonja tal-ftuħ li mistennija tibda fis-13:00 (ħin ta’ Malta), minn għada jibdew jintrebħu l-midalji f’din l-edizzjoni tal-Olimpjadi.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA