Futbol internazzjonali
Jikber id-dejn ta’ Manchester United sforz il-pandemija tal-Covid-19

Manchester United ħabbru telf akbar minn tas-sena ta’ qabel minħabba l-pandemija tal-Covid-19. Il-lockdowns flimkien man-nuqqas tal-partitarji f’Old Trafford wasslu biex jonqos id-dħul, flimkien mal-bejgħ t’oġġetti tal-istess tim. Minħabba f’hekk il-klabb ma ffissa l-ebda tragward għal din is-sena minħabba l-inċertezza kontinwa li ġabet magħha l-pandemija.

L-aħħar żewġ staġuni kienu diffiċli għal kulħadd, mhux b’inqas għar-Red Devils li raw id-dħul jonqos drastikament minħabba n-nuqqas ta’ bejgħ f’ġurnata ta’ logħba home.

Id-dħul għas-sena finanzjarja li ntemmet fit-30 ta’ Ġunju niżel bi 2.9%, jiġifieri £494.1 miljun. Il-bejgħ fil-ġurnata tal-logħba niżel bi 92.1%.

Fid-dħul kummerċjali annwali, Manchester United naqqsu 16.8%, filwaqt li d-dħul mix-xandiriet tal-logħob sploda ‘l fuq b’81.7%.

It-telf globali għar-Red Devils sat-30 ta’ Ġunju kien ta’ £92.2 miljun, meta kkumparat mat-telf ta’ £23.2 miljun tas-sena ta’ qabel, meta faqqgħet il-pandemija.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA