Bowling
Jingħata bidu għall-Kampjonati tal-Mediterran tal-Bowling

Matul dawn il-jiem, Team Malta tal-bowling jinsab fi Franza sabiex jikkompeti fil-Kampjonati tal-Mediterran. Dawn huma Kampjonati prestiġjużi fejn Malta tinsab fuq quddiem fir-rebħ ta’ midalji tad-deheb (41), kif ukoll fin-numru ta’ midalji totali mirbuħa (119).

Il-Kampjonati tal-Mediterran ilhom isiru sa mill-1998, bil-kompetituri Maltin dejjem taw wirjiet mill-aqwa. Bir-rebħ tal-midalji matul is-snin, Malta tinsab quddiem pajjiżi ħafna akbar bħal Franza, l-Italja, Spanja u l-Greċja.

It-tim din is-sena huwa magħmul minn Sue Abela, kif ukoll tliet rappreżentanti li qegħdin jieħdu sehem għall-ewwel darba. Dawn huma: Cynthia Frendo Duca, li ħadet sehem b’suċċess f’avvenimenti barra mill-pajjiż matul l-aħħar snin, u żewġ żgħażagħ li diġà għandhom esperjenza barra mill-pajjiż, Matthew Magro u Kayden Laganà.

Il-kowċ nazzjonali Rick Vogelesang qed jakkumpanja lit-tim flimkien mal-President tal-MTBA Paul Baldacchino.

Il-Kampjonati tal-Mediterran ser jibdew mil-lum bis-singles, segwiti bid-doubles, mixed doubles, team event u masters.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA