Futbol internazzjonali
Jinqala’ l-inkwiet mill-partitarji Ungeriżi fil-logħba kontra l-Ingilterra

Għexieren ta’ partitarji Ungeriżi ġew fl-idejn mal-pulizija f’Wembley Stadium hekk kif bdiet il-logħba bejn l-Ingilterra u l-Ungerija.

Jidher li madwar 600 partitarju Ungeriż iddaħħlu f’żona ristretta tal-istadium, u malli bdiet il-logħba numru ta’ stewards daħlu f’din iż-żona sabiex jikkontrollaw lill-partitarji. Minn hemmhekk beda l-inkwiet, u daħlu l-pulizija li kellhom jużaw il-lembubi biex jippruvaw jikkontrollaw il-ġlied.

Probabbli l-UEFA ser tkun qed tieħu passi kontra l-Federazzjoni tal-Futbol Ungeriż wara li l-partitarji reġgħu qajmu l-inkwiet, li jsegwi dak li seħħ meta l-Ingliżi marru jilagħbu l-Ungerija. L-FA Ungeriża diġà weħlet multa u ma jistgħux jiddaħħlu partitarji għal numru ta’ logħob tan-nazzjonal.

L-Ingliżi kienu miżmuma drò mill-Ungeriżi f’Wembley Stadium u b’hekk kienu miżmuma milli jgħaddu kmieni għat-Tazza tad-Dinja 2022.

Sallai fetaħ l-iskor għall-Ungerija fl-24 minuta mill-11-il metru, b’John Stones iġib l-iskor indaqs fis-37 minuta.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA