Olimpijadi TOKYO 2020
Jinstabu 2 każi oħra ta’ Covid-19 fil-Villaġġ Olimpiku biex issa jitla’ għal 12 in-numru ta’ persuni li nstabu pożittivi f’Tokjo

L-organizzaturi tal-Olimpjadi ta’ Tokjo kkonfermaw li nstabu żewġ każijiet ġodda ta’ Covid-19 fil-Villaġġ Olimpiku. B’hekk in-numru totali ta’ persuni li nstabu pożittivi fil-Villaġġ tela’ għal 12, filwaqt li n-numru globali issa huwa ta’ 87.

Fl-aħħar ġimgħat kien hemm diversi atleti li ħabbru li ser jibqgħu f’pajjiżhom għax qabdithom il-Covid-19, b’oħrajn instabu pożittivi mill-iswab test li qiegħed isir fl-ajruport ta’ Tokjo.

It-tama tal-organizzaturi hi li l-każijiet ma jiżdidux b’mod allarmanti għax f’dak il-każ ikollhom jaħsbu bis-serjetà jekk jikkanċellawx l-Olimpjadi jew le.

Matul il-ġurnata tal-Erbgħa u anke dalgħodu, komplew jaslu numru t’atleti u kontinġenti fil-Villaġġ Olimpiku li b’kollox ser jospita aktar minn 11,000 persuna.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA