Olimpijadi TOKYO 2020
Jintrebħu aktar midalji, b’timijiet fil-baseball u fil-hockey jgħaddu għall-finali

Deheb għall-Awstralja fl-ibburdjar meta Matthew Belcher u Will Ryan ħarġu rebbieħa. L-Iżvediżi Anton Dahlberg u Frederik Bergstrom spiċċaw it-tieni u rebħu l-fidda filwaqt li l-Ispanjoli Jordi Xammar u Nicolas Rodriguez Garcia-Paz rebħu l-bronż.

Fil-kategorija tan-nisa kienu l-Brittaniċi Hannah Mills u Eilidh McIntyre li rebħu d-deheb. Il-Pollakki Agnieszka Skrzypulec u Jolanta Ogar rebħu l-fidda filwaqt li l-Franċiżi Camille Lecointre u Aloise Retornaz rebħu l-bronż.

 

Fil-boxing, il-Kuban Arlen Lopez rebaħ it-tieni midalja tad-deheb f’din l-edizzjoni wara li għeleb lill-Brittaniku Ben Whittaker fil-light-heavyweight.

 

Fil-basketball, it-tim Amerikan tan-nisa xejjen għalkollox l-isfida tal-Awstraljani, biex issa jiltaqgħu kontra s-Serbja fis-semifinali. Min-naħa tagħhom is-Serbi għelbu liċ-Ċiniżi.

 

Fil-hockey, it-tim Olandiż tan-nisa wasal sal-finali wara rebħa ta’ 5-1 fuq il-Brittaniċi li kienu qed jiddefendu t-titlu. Din hija l-ħames edizzjoni konsekuttiva li l-Olanda waslet sal-finali.

 

Fil-golf, Madelene Sagstrom kienet fl-aqwa tagħha biex l-Iżvezja marret fuq quddiem fil-klassifika, filwaqt li l-Amerikana Nelly Korda tinsab warajha fit-tieni post. Il-Koreana Ko Jin-young tinsab fit-tielet post, segwita mill-Finlandiża Matilda Castren u l-Ispanjola Carlota Ciganda.

 

Fil-baseball, it-tim tar-Repubblika Dominikana ser jikkompeti għall-midalja tal-bronż meta tilef kontra l-Istati Uniti 3-1. L-Amerikani issa qed jistennew ir-rebbieħ bejn il-Ġappun u l-Korea t’Isfel biex ikunu jafu lil min ser jaffaċċjaw fil-finali.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA