Futbol internazzjonali
Jitkellem Dr Tom Prichard, wieħed mit-tobba li assista lill-anzjan fil-logħba f’St James’ Park il-Ħadd

Il-Ħadd filgħaxija f’St James’ Park, Newcastle United lagħbu kontra Tottenham Hotspur fil-Premier League Ingliż. Din kienet l-ewwel logħba tal-Magpies taħt it-tmexxija l-ġdida tal-konsorzju tal-Arabja Sawdija. Ftit qabel intemmet l-ewwel taqsima l-logħba twaqqfet ħesrem minħabba kommossjoni li nqala’ f’wieħed mill-istands tal-istadium.

Partitarju anzjan ta’ Newcastle United tah attakk tal-qalb u filwaqt li Reguilon ġibed l-attenzjoni tar-referee Andre Marriner, wieħed mit-tobba tal-klabb ta’ Tottenham Hotspur ġera bid-difibrillatur sabiex tingħata l-ewwel assistenza lill-anzjan.

Fl-istands, Dr Tom Prichard ta’ 34 kien qed jassisti għal dan il-konfront, u malli nnota l-kommossjoni ċċaqlaq minn postu biex jagħti l-ewwel assistenza. Hu kien kważi 300 metru ‘l bogħod u minħabba li jaħdem fid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-isptar North Tees, mar jassisti lill-anzjan.

Mill-aħbarijiet li ħerġin mill-Ingilterra jidher li l-anzjan jinsab f’qagħda stabbli u qed jirrispondi għat-trattament fl-isptar.

Dr Prichard kien fl-istadium ma’ sieħbu Matthew Anderson, tabib li jaħdem fil-qasam tal-kanċer fl-Isptar Freeman ta’ Newcastle. Fi kliem Dr Prichard, “Rajt raġel mixħut mal-art u ħsibt li aħjar immur nagħti l-ewwel għajnuna. Kelli naqbeż barrikata u niġri ‘l isfel, u hekk kien, kien hemm raġel li tah attakk tal-qalb. Kien mixħut fuq is-seats, fuq sitta jew sebgħa minnhom u ma kellux polz.”

Mill-informazzjoni li ħarġet wara l-logħba, l-anzjan għandu biljett għal staġun sħiħ u ilu jkollu wieħed għal dawn l-aħħar erbatax-il sena. Skont sorsi ta’ Newcastle United, l-anzjan ma kienx jitlef logħba meta t-Toons jilagħbu f’St James’ Park.

Sakemm Dr Prichard wasal ħdejn l-anzjan, membru tal-pubbliku beda jagħti s-CPR lill-anzjan, u l-mediċi tas-St John’s Ambulance kienu diġa’ qabbdu d-difibrillatur. Dr Prichard żied li, “malli wasalna ħadna s-sitwazzjoni f’idejna. L-anzjan kellu bżonn xokk, u għamilna hekk, u żammejna s-CPR għal ftit aktar ħin imma xorta ma kienx hemm polz. Tajnih xokk ieħor, ftit CPR oħra, imbagħad il-polz ġie lura.”

Mal-ħin, ma’ Dr Prichard ingħaqad tabib ieħor, flimkien ma’ tabib tal-kura intensiva, u kardjologu li wkoll kien mal-folla jsegwi l-konfront. Skont Dr Prichard, “malli l-polz ġie lura t-tir tagħna kien li npoġġuh malajr kemm jista’ jkun f’kamra medika, u allura ridna noħorġuh mill-grawnd.”

Skont Dr Prichard, il-fatt li l-azzjoni ttieħdet malajr, salvat il-ħajja tal-anzjan, għax f’sitwazzjonijiet simili, jekk l-anzjani ma jsibux l-għajnuna mal-ewwel, jitilfu ħajjithom. Dr Prichard qal li l-anzjan kien iffortunat li kien preżenti waqt logħba li fiha kien hemm numru kbir ta’ tobba.

Dr Prichard qal li rrealizza b’dak li seħħ malli wasal lura, u għalkemm għamel xogħlu, l-ambjent kien differenti. “Huwa diffiċli tisma’ lid-difibrillatur jitkellem fi stadium ta’ 50,000 ruħ fejn kulħadd qed jitkellem madwarek, biss il-partitarji rrispettaw dak li konna qed nagħmlu.”

It-tabib qal li ma setax jemmen lil għajnejh meta rritorna lura f’postu u sab li Newcastle kienu għadhom qed jixxuttjaw lejn id-direzzjoni fejn kien bilqiegħda hu. Dr Prichard faħħar lir-referee Marriner li bagħat lill-plejers fid-dressing room sakemm is-sitwazzjoni fl-istands ġiet lura għan-normal. Qal li minn dak li seħħ lil Christian Eriksen aktar kmieni dan is-sajf, u permezz ta’ din l-esperjenza, in-nies għandhom jifhmu aktar l-importanza tas-CPR u d-difibirllatur għax permezz tagħhom ikunu salvati n-nies.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA