Futbol internazzjonali
Jitkellem ir-referee li kkontrolla s-semifinali tal-Copa America bejn il-Brażil u l-Arġentina
Tibqa’ għaddejja l-kontroversja dwar is-semifinali tal-Copa America bejn il-Brażil u l-Arġentina meta issa tkellem ir-referee Roddy Zambrano li kien qiegħed jikkontrolla l-konfront. Dan wara l-kritika qawwija li qala’ mhux biss mingħand il-partitarji Arġentini imma wkoll mill-plejer Lionel Messi, dwar il-kontroll tiegħu f’din is-semifinali li rat lill-Arġentina eliminati. Il-prassi normali hija li r-referee ma jitkellimx dwar il-logħbiet li jikkontrolla, imma r-referee mill-Ekwador kiser ir-regola u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-kontroll li kellu f’din is-semifinali.
Waqt li kien qiegħed jagħmel intervent fuq l-istazzjon tar-radju Super K-800, Zambrano ta x’jifhem li diversi deċiżjonijiet li ħa kienu influwenzati mill-uffiċjali tal-VAR, u dan minħabba l-Arġentini kkritikawh fuq il-gowls li kienu skurjati mill-Brażiljani. Is-soltu, meta jkun hemm deċiżjoni li tista’ tkun diskutibbli, l-uffiċjali tal-VAR jgħidu lir-referee sabiex jiċċekkja hu stess, imma f’din is-semifinali Zambrano qed jgħid li ma sabx l-għajnuna li kien qiegħed jistenna.
Dwar il-penalty li saffar favur il-Brażil meta Nicolás Otamendi deher iwaqqa’ lil Arthur fil-kaxxa, Zambrano qal li wara li waqqaf il-logħob biex jingħata l-penalty, l-uffiċjali tal-VAR bdew jgħidu li d-deċiżjoni setgħet tmur fuq kull naħa, imma ħadd minnhom ma’ qallu sabiex imur jiċċekkja r-replay hu stess. Sostna li wara l-logħba hu reġa’ ra l-azzjoni u saħaq li kien ikun aħjar kieku dak il-ħin qalulu biex jiċċekkja l-VAR għaliex kien hemm lok fejn jibdel id-deċiżjoni tiegħu. Il-kummenti ta’ Zambrano ħasdu lil bosta għax eżatt wara l-logħba bdew ħerġin xnigħat li fil-fatt l-uffiċjali tal-VAR qalulu sabiex jiċċekkja hu stess, imma r-referee mill-Ekwador ried iżomm mad-deċiżjoni oriġinali tiegħu.
Anke dwar it-tieni gowl tal-Brażil, ir-referee Zambrano kkritika lill-uffiċjali tal-VAR għax qal li jekk kemm-il darba kien hemm foul minn Dani Alves fuq Sergio Aguero li mbagħad minnu wasal gowl ieħor, allura dawn messhom kellmuh f’widnejh u qalulu mhux ħallew kollox għaddej mar-riħ. Saħaq li hu ma setax ilaħħaq ma’ dak kollu li kien qiegħed jiġri fil-grawnd u agħar minn hekk, kien hemm diversi uffiċjali li kienu bilqiegħda jsegwu u ħadd minnhom ma ndenja ruħu jirrimarkalu li aħjar jerġa’ jiċċekkja kif kien skurjat it-tieni gowl.
Din it-telfa fis-semifinali kienet daqqa ta’ ħarta oħra għall-Arġentina wara d-diżappunt tas-sena li għaddiet fit-Tazza tad-Dinja, b’Lionel Messi jinsinwa li l-logħba kienet imbagħbsa. Il-kummenti tiegħu ħolqu furur sħiħ fil-Brażil li finalment spiċċaw rebħu l-Copa America l-Ħadd li għadda b’rebħa fuq il-Perù.
Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA
Aħbarijiet Oħra
Futbol internazzjonali

Eluf ta’ partitarji Finlandiżi ħarġu fit-toroq jiċċelebraw il-kwalifikazzjoni storika tal-Finlandja għall-Kampjonat Ewropew tas-sajf li ġej, l-EURO 2020. Il-Finlandja għelbu lil Liechteinstein bi skor ta’ 3-0 biex aċċertaw mit-tieni post ta’…

Futbol internazzjonali

F’aktar logħbiet ta’ kwalifikazzjoni għal EURO 2020, mill-grupp ta’ Malta, fil-konfront dirett għal min jiġi fit-tieni post, l-Iżvezja għelbet lir-Rumanija 2-0 barra minn darha sabiex aċċertat ruħha mill-kwalifikazzjoni. Kien Marcus…

Futbol internazzjonali

Wara l-aħbar li żvela TVM Sport ftit tal-jiem ilu tal-possibbiltà tajba li AC Milan jiġu f’Malta għal training camp wara l-Milied, issa fl-Italja ħarġet l-aħbar li anki t-tim ta’ Napoli…

Futbol internazzjonali

Il-Messiku u l-Brażil ser jikkontestaw il-finali tat-Tazza tad-Dinja ta’ taħt is-sbatax il-sena. Fl-ewwel semi finali tal-bieraħ il-Messik għaddew għas-spejjeż tal-Olanda wara l-għoti tal-penalties. Il-logħba spiċċat fi draw ta’ 1-1 fejn…

Aktar