Futbol internazzjonali
Jitneħħew ir-restrizzjonijiet tal-Covid-19 fil-Katalunja … Barcelona jittama li jimlew in-Nou Camp il-Ħadd li ġej

Minn nhar il-Ġimgħa li ġej Barcelona jistgħu jilagħbu quddiem stadium ippakkjat wara li l-Gvern Reġjonali Katalan neħħa diversi restrizzjonijiet relatati mal-Covid-19.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-President Katalan Pere Aragones qal li l-attivitajiet sportivi jistgħu jibdew isiru quddiem il-massimu tal-partitarji. Barcelona ilhom ma jilagħbu quddiem stadium mimli sa minn Marzu tas-sena li għaddiet minħabba l-pandemija.

Nhar il-Ħadd li ġej, fin-Nou Camp, Barcelona ser jilqgħu lil Valencia, u hemm il-possibbilità li mad-99,354 persuna jattendu għal dan il-konfront. Bħalissa Barcelona għaddejjin minn mument iebes u żgur li għandhom bżonn is-sapport tal-partitarji tagħhom.

Minbarra s-sapport, it-tim Katalan qed jittama li l-istadium jibda jkun mimli sabiex l-introjtu tal-klabb jiżdied mill-bejgħ tal-biljetti.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA