Għawm
Jittama li jsir it-tieni persuna li qatt għam minn Sqallija għal Malta
Neil Agius jitlaq tit-tentattiv tiegħu minn Ragusa għal San Ġiljan għada fis-6 ta' filgħodu

L-għawwiem Malti Neil Agius illejla jinsab Sqallija biex mas-sbieħ għada filgħodu jitlaq fit-tentattiv tiegħu li jgħum għal Malta u jsir it-tieni bniedem li qatt irnexxielu f’din l-isfida epika.

Neil għandu 34 sena u huwa minn Ħal Għargħur. Ilu jgħum mindu kellu seba’ snin u rrappreżenta lil Malta fl-Olimpjadi ta’ Ateni. Għada se jittanta l-kważi impossibbli: jgħum minn Sqallija għal Malta: 100 kilometru minn Punta di Braccetto għall-pitch ta’ San Ġiljan.

Il-bajja ta’ Punta di Braccetto f’Ragusa ġiet preferuta minn Pozzallo li huwa eqreb għal Malta minħabba l-previżjonijiet tal-kundizzjonijiet tal-baħar: għalkemm kollox jista’ jinbidel sa filgħodu. San Ġiljan huwa l-club fejn Neil trenja l-għawm minn tfulitu. Neil jitlaq minn Sqallija fis-6 ta’ filgħodu u l-ħsieb huwa li l-għawma tieħu mal-35 siegħa biex jasal għall-ħabta tal-5 ta’ wara nofsinhar il-Ġimgħa.

Jekk jirnexxielu f’din l-avventura, Neil isir biss it-tieni persuna li għam minn Sqallija għal Malta fl-istorja. Nicky Farrugia kien għamilha f’Lulju 1985 meta għam minn Punta Secca f’Ragusa għall-Qbajjar f’Għawdex fi 30 siegħa u 17-il minuta. Nofs seklu qabel, fl-1933, Turu Rizzo kien falla fl-attentat meta jingħad li waqaf tliet mili bogħod minn Malta.

Neil li diġà għam id-dawra ta’ Malta sentejn ilu – 70km fi 22 siegħa – se jkun akkumpanjat tul l-għawma minn team professjonisti u ħbieb fuq tliet dgħajjes. Fosthom se jkun hemm tabib, kif ukoll race director u umpire biex jassiguraw li ma jinkisrux regolamenti. Neil ma jista’ jmiss ma’ ebda dgħajsa jew kwalunkwe ħaġa li tgħinu jżomm fil-wiċċ. Minbarra l-għeja u l-isfida mentali huwa jrid jikkumbatti perikli ovvji fil-baħar miftuħ bħal kurrenti, is-sħana u n-nixfa mix-xemx, ħut kbir, u bram. Se jgħum bi nhar u bil-lejl, bil-ħsieb ikun li jieqaf għal minuta u nofs kull nofs siegħa biex jieħu nutrijenti speċjali. Lanqas wet suit ma jista’ jilbes.

L-isfida bdiet bħala parti mill-kampanja Wave of Change kontra t-tfigħ tal-plastic fil-baħar.

Miktub minn...
Peter Cossai
Kap ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programm 90 Minuta.
Aħbarijiet Oħra
Għawm

Għall-ħabta tad-9:15 ta’ dalgħodu Neil Agius tela’ l-art San Ġiljan wara għawma inkredibbli ta’ 100km minn Sqallija. Huwa niżel il-baħar minn Punta Braccetto f’Ragusa ftit wara l-5 tal-bieraħ filgħodu biex għamel…

Għawm

Neil Agius qiegħed litteralment jara l-ħolma tiegħu isseħħ. L-għawwiem Malti li niżel il-baħar minn Punta Braccetto f’Ragusa ftit wara l-5 tal-bieraħ filgħodu fit-tentattiv epiku li jgħum minn Sqallija għal Malta…

Għawm

Neil Agius qabeż il-marka tal-50km fit-tentattiv tiegħu li jaqsam bejn Sqallija u Malta bl-għawm. L-għawwiem Malti ta’ 34 sena niżel il-baħar minn Punta Braccetto f’Ragusa ftit wara l-5 ta’ dalgħodu…

Aktar