Futbol lokali
Jonathan Caruana jirtira mill-futbol

Id-difensur Jonathan Caruana rtira mill-futbol. Il-plejer ta’ 34 sena ħa din id-deċiżjoni wara li ntemmlu l-kuntratt li kellu ma’ Valletta FC fl-aħħar ta’ Ġunju li għadda. Jidher li kienu raġunijiet personali, tibdil fil-ħin tat-taħriġ u raġunijiet oħra li wasslu lil Caruana jieħdu din id-deċiżjoni.

Id-difensur Caruana beda l-karriera tiegħu ma’ Hibernians FC, fejn ingħaqad mat-tim tal-kbar fl-1 ta’ Lulju 2003 wara li kien promoss mill-iskwadra tal-U19. Mal-Pawlisti dam jilgħab żewġ staġuni sakemm fl-1 ta’ Lulju 2005 ngħaqad ma’ Mosta FC b’self għal staġun wieħed.

Wara din l-esperjenza rritorna mal-Pawlisti fejn dam jilgħab magħhom sal-2010, sakemm fis-sajf ta’ dik is-sena ngħaqad ma’ Valletta. Jonathan Caruana kien strumentali ħafna fid-difiża tat-tim mill-kapitali fejn rebaħ ħames darbiet il-Kampjonat Premier. Hu kien ukoll rebaħ il-Kampjonat Premier ma’ Hibernians fl-istaġun 2008/09.

Lagħab b’kollox 230 logħba fil-Kampjonat Premier u skorja 15-il gowl u pprovda 4 assists matul il-karriera tiegħu. Jonathan Caruana lagħab f’kull kompetizzjoni, kemm lokali kif ukoll Ewropea, fejn apparti fl-FA Trophy, lagħab ukoll fil-UEFA Champions League u fil-UEFA Europa League.

Barra minn hekk Caruana libes il-flokk tat-tim nazzjonali Malti 45 darba, fejn iddebutta fit-30 ta’ Mejju 2008 fit-telfa kontra l-Awstrija f’logħba ta’ ħbiberija. Mat-tim nazzjonali Malti skorja darbtejn f’logħob ta’ ħbiberija, bl-aħħar logħba tiegħu tkun fit-18 ta’ Novembru 2019 fit-telfa ta’ 2-1 kontra n-Norveġja, biss dakinhar baqa’ fuq il-bank. L-aħħar logħba li kellu sehem sħiħ fiha kienet il-logħba ta’ tlett ijiem qabel, fil-15 ta’ Novembru kontra Spanja fejn lagħab il-logħba kollha.

Żgur li l-aktar staġun iebes għal Jonathan Caruana kien l-istaġun 2017/18 fejn matul il-pre-season kien irriżulta pożittiv għal test tad-doping, u wara li weħel sospensjoni t’erba’ snin, kien appella mis-sentenza li eventwalment tnaqqset għal sena.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA