Futbol lokali
Joseph Portelli jinħatar uffiċjalment President ta’ Hamrun Spartans

Joseph Portelli hu l-President il-ġdid ta’ Hamrun Spartans.

L-aħbar kienet ikkonfermata għal ħabta tas-18.00 tal-lejla fuq il-profil uffiċjali ta’ facebook tal-klabb.

L-imprenditur Portelli se jkun qed jibdel fil-kariga lit-Taljan Nunzio Antignani li mexxa lill-klabb Ħamruniż fl-aħħar sentejn u nofs.

Minn meta Portelli resaq lejn il-klabb, it-tim ġie trasformat għal wieħed rebbieħ u wara t-22 ġurnata, Hamrun Spartans jinsabu fl-ewwel post tal-klassifika tal-Kampjonat BOV Premier.

Hamrun Spartans jilagħbu ‘il-partita tal-istaġun’ għada s-Sibt kontra Hibernians fis-14.00, fl-Istadium Nazzjonali, f’Ta’ Qali. Il-partita tixxandar dirett fuq TVM2.

Jekk fil-partita ta’ għada s-Sibt ma jitilfux, Hamrun Spartans jibqgħu fl-ewwel post. Rebħa tkun tfisser ħames punti vantaġġ f’ras il-klassifika, b’seba’ partiti li jkun jonqos x’jintlagħbu biex jintrebaħ it-tmien titlu fl-Istorja tal-klabb.

Hamrun Spartans ilhom 19-il partita konsekuttiva mhux megħluba, 17 fil-kampjonat u tnejn fil-kompetizzjoni FA Trophy.

Madankollu, l-aktar rekord b’saħħtu fl-Istorja ta’ Hamrun Spartans ta’ partiti mhux megħluba kien sar fis-Snin ’80, bejn it-2 ta’ Frar 1986 sal-10 ta’ Jannar 1988, għal total ta’ 29 partita, taħt il-Presidenza ta’ Victor Tedesco.

Miktub minn...
TVM Sport